Libjan ta’ 47 sena li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 20 sena u resdienti San Pawl il-Baħar ġie mixli li wettaq serqa ta’ €25,000 fi flus kontanti u xi oġġetti oħra għad-dannu ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni li kien jaħdem magħha fin-Naxxar. Il-kumpanija hi nvoluta wkoll f’diversi negozji oħra mhux relatati mal-kostruzzjoni.
Jacob Nori li huwa minn Tripli wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih bil-Qorti iżda tiċħad it-talba għal diversi raġunijiet fosthom il-biża’ ta’ intralċ tal-provi fejn għad iridu jixhdu l-allegati vittmi fil-każ. L-Ispettur Shaun Pawney qal lill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil lil kien daħal rapport fit-22 ta’ Diċembru li għadda li bejn il-21 u t-22 ta’ l-istess xahar seħħet serqa minn stabbiliment.
Hu kien bagħat għall-vittmi li qalulu li xi ħadd kien daħal f’uffiċċju u seraq flus kontanti u oġġetti oħra. Wara li l-vittmi raw filmati mis-CCTV għarfu lill-imputat u dan anke mill-mod kif jimxi u anke l-fatt li kien jaħdem magħhom.
Pawney qal li saru l-investigazzjonijiet u kien nhar it-Tnejn li għadda Nori kien arrestat fejn instabu l-flus u oġġetti f’residenza fejn kien joqgħod mas-sieħba tiegħu . Fost l-oġġetti li nstabu kien hemm investi tad-ditta.
Qal wkoll li s-sieħba tiegħu kkonfermat li kellu ħafna flus fil-pusses tiegħu. Waħda mid-Diretturi tal-kumpanija wkoll ikkonfemrat li l-oġġetti misruqin kienu il-brand tagħha. Saret talba għall-pleġġ fuq it-teżi li l-akkużatgħandu indirizz fiss f’Malta, li mhemmx biża ta’ kontaminazzjoni ta’ provi u l-biża li jaħrab mill-pajjiż huma minimi, qalet id-difiża.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għall-ħelsien mill-arrest u qalet li l-fedina penali tal-imputat hi dik li hi u hemm l-biża li jerġa jikkommetti reat. Tenniet ukoll li l-ammont tas-serqa huwa konsideravli li jista’ jwassal għal massimu ta’ disgħa snin ħabs.
Ingħad ukoll mill-prosekzuzjoni li għad iridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom ukoll diversi xhieda u peress li kien jaħdem mal-kumpanija jista’ jersaq lejn il-vittmi. Ingħad ukoll li l-indirizz fejn joqgħod mhux tiegħu għax il-kirja hija mniżżla fuq is-sieħba tiegħu li potenzjalment se tkun waħda mix-xhieda fil-każ.
Id-difiża wieġbet billi qalet li hu dejjem għex mas-sieħba tiegħu u li bħalissa qed jaħseb biex jibda jabita f’indirizz ieħor imma li ma jafx x’inhu. “L-issue tagħna hi li s-sieħba tiegħu meta ġiet mitkellma l-Erbgħa stess ma kkonfermatx li hemm xi indirizz ieħor. Oġġezzjoni oħra hi wkoll il-karattru raffrettarju tiegħu”, qalet il-prosekuzzjoni.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ u laqgħet it-talba wkoll għal ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegati vittmi. Il-Qorti wissiet lill-imputat li mhux mhux ma jistax javviċina lid-Diretturi u l-ħaddiema tal-kumpanija iżda lanqas biss b’xi mod jikkomunika magħhom, għax inkella jista jiġi kundannat sentejn ħabs u €7,000 multa jew it-tnejn flimkien.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Shaun Pawney, mgħejjun minn Dr. Tilden Tabone mill-uffiċċju tal-AĠ. L-Avukat tal-għajnuna legali Adriano Spiteri deher għall-akkużat filwaqt li l-Avukat Matthew Xuereb deher f’isem il-kumpanija misruqa.
//= $special ?>

