Lokali Parlament

Proposti perikolużi tal-gvern dwar id-droga; lit-traffikanti jrid jagħmilhom vittmi


Karol Aquilina, PN


Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister tal-Oppożizzjoni dwar il-Ġustizzja qal li l-proposti tal-gvern fil-white paper dwar id-droga huma perikolużi għaliex lit-traffikanti qed jagħmilhom vittmi.


Fil-parlament, Karol Aquilina tkellem dwar il-white paper li ressaq l-gvern dwar id-droga u qal li l-abbozz li qed jippreżenta l-gvern għandu problema dwar il-kontenut.


Dan l-abbozz hu ħażin u perikoluż ħafna, sostna Karol Aquilina, li appella biex kull deputat jistaqsi lilu nnifsu jekk persuna li tinqabad b’500 pillola ecstasy, jew b’200 gramma kokaina jew eroina jew b’nofs kilo kannabis hux traffikant jew vittma.


Fil-pajjiż hawn problema kbira ta’ droga, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li din il-gwerra għandha tintrebaħ minn dawk li huma kontra t-traffikar tad-droga. Hu appella biex din il-white paper tinbidel dwar l-ammonti tad-droga. L-għaqdiet involuti f’dan is-settur huma inkwetati u ma jaqblux ma’ dawn il-proposti, sostna Karol Aquilina.


Karol Aquilina tkellem dwar il-liġi li biha l-kondotti se jibdew jinħarġu mid-Dipartiment tal-Ġustizzja flok mill-pulizija u qal li hu tajjeb li jibqgħux ma jintefgħux rwoli amministrattivi fuq il-Korp tal-Pulizija meta dawn jistgħu jsiru minn persuni mis-servizz tal-gvern. Din il-liġi diġà daħlet fis-seħħ tant li l-kondotti diġà qed jinħarġu mid-Dipartiment tal-Ġustizzja. Dan juri x’valur għandu l-parlament meta l-liġijiet ikunu diskussi wara li diġà jkunu implimentati.


Hu appella biex ċertu liġijiet ikunu aġġornati skont iż-żminijiet u żied li l-proposta tal-PN biex jitwaqqaf Kumitat Parlamentari tal-Ġustizzja jista’ jkun struttura biex ikunu aġġornati dawn il-liġijiet.


Id-deputat Nazzjonalista qal li kien hemm bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex il-pulizija jkollhom għodda iktar b’saħħitha fl-investigazzjonijiet ta’ każi speċifikati li jwasslu għal piena ta’ 12-il sena; dan skont ordni tal-maġistrat. Il-pulizija issa se jkunu jistgħu jagħmlu talba biex il-maġistrat jiddeċiedi jekk hemmx lok ta’ arrest sa 48 siegħa addizzjonali biex l-investigazzjoni tal-pulizija jkollha suċċess.