Il-Knisja f’Malta bi 8 rakkomandazzjonijiet għal aktar prattiċi siguri u ġusti fis-settur tal-kostruzzjoni
Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi ppubblikat riċerka dwar is-saħħa u s-sigurtà fl-industrija tal-kostruzzjoni bl-isem ta’ ‘The Ejja Ejja Culture’.
Il-ħidma fuq din ir-riċerka bdiet madwar sena ilu b’reazzjoni għaż-żieda fl-inċidenti serji fil-qasam tal-kostruzzjoni – partikolarment xprunata mill-imwiet ta’ Miriam Pace u Jean Paul Sofia.
Bejn l-2014 u Awwissu li għadda, 56 ħaddiem tilfu ħajjithom traġikament fuq il-post tax-xogħol, u għaldaqstant inħass iktar il-bżonn għal riċerka bħal din, fejn ġew intervistati aktar minn 40 ħaddiem f’oqsma differenti fis-settur tal-kostruzzjoni….partikolarment dawk ta’ nisel barrani.
Il-Kummissjoni qalet li l-konklużjoni ewlenija hija li hu inġust li l-ħaddiem jitqies responsabbli għal nuqqas ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Minn din ir-riċerka ħareġ biċ-ċar ukoll li dawn il-ħaddiema f’dan il-qasam mhux qiegħdin igawdu mill-protezzjoni tal-organizzazjonijiet u l-istituzzjonijiet responsabbli. Min din ir-riċerka ħareġ biċ-ċar ukoll li din il-kultura ta ‘ejja ejja ħa mmexxu’ tinħass sew f’dan is-settur u bosta ħaddiema iħossuhom sfruttati minħabba din it-tip ta’ kultura fis-settur.
Daniel Darmanin, il-President tal-Kummisjoni Ġustizzja u Paċi stqarr li minkejja li kien hemm aġġornament dwar ċertu protokol, l-affarjiet f’dan is-settur ma tjibux.
Mark Cachia, l-awtur tar-rapport, kompla jsostni li huwa impossibli u irresponsabli li jiġu iżolati kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà. Huwa aċċena wkoll għat-traġedja taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia li tilef ħajtu traġikament f’binja f’Kordin, filwaqt li stqarr li l-kummisjoni kienet temmen bis-sħiħ li jrid ikun hemm iktar infurzar xieraq…sa minn qabel dan l-inċident li ħasad pajjiż sħiħ.
l-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li dan l-istudju jindirizza d-dnub soċjali u enfasizza l-impenn tal-knisja fejn jidħlu valuri tal-ġustizzja, kompassjoni u rispett għall-ħajja ta’ kull bniedem, hu min hu, ġej minn fejn gej. Sostna li dawn huma kollha valuri mħaddna fl-Evanġelju u li t-tama tal-Knisja f’Malta hi li dawn l-istess valuri jinspiraw is-soċjetà tal-lum.
Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi kkonkludiet li jekk il-pajjiż jixitieq li jkollu settur tal-konstruzzjoni li jirrispetta d-dritt tal-ħaddiema b’ambjent sigur u b’saħħtu din r-realtà kumplessa għandha tiġi indirizzata.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummisjoni huma li:
- Jintużaw l-għodod tat-taxxa u l-policies neċessarja sabiex jitnaqqsu r-riskji marbuta ma’ dati ta’ skadenza mhux realistiċi kkawżati mill-ħtieġa li nibnu aktar fl-iqsar żmien possibli.
- Il-unions tal-ħaddiema għandhom ikunu minn ta’ quddiem sabiex jippromovu approċċ ibbażat fuqid-drittijiet waqt li jaħdmu b’mod attiv sabiex iwessgħu s-sħubija tagħhom ħalli tinkludi l-ħaddiema barranin.
- Jiġi pprovdut taħriġ dwar sensittività kulturali l-preġudizzju lill-partijiet interessati kollha.
- Jissaħħew il-korsijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà, u fejn hu meħtieġ, jingħata wkoll taħriġ dwar il-lingwa.
- Issir iktar riċerka sabiex jiġu analizzati l-effetti tal-kultura tal-maċiżmu fuq is-saħħa u l-benessri tal-ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni
- Jiġu evalwati mill-ġdid regolamenti tal-permessi tax-xogħol u l-liġijiet tal-immigrazzjoni li jnaqqsu s-setgħa lill-ħaddiema migranti.
- Jiżdiedu r-riżorsi tal-OHSA u jinħoloq numru tat-telefown wieħed li fuqu jistgħu jiġu rrapurtati l-ilmenti kollha marbuta mal-kostruzzjoni.
- Il-kopertura tal-assigurazzjoni għandha tkun prerekwiżit għal dawk il-kuntratturi li jridu jkunu liċenzjati.