Internazzjonali

RENJU UNIT: Bdiet tintuża mediċina ġdida tal-kanċer li hi ferm inqas tossika mill-kimoterapija

Tfal madwar id-dinja bdew jingħataw mediċina ġdida għall-kura tal-kanċer li hi ferm inqas tossika mill-kimoterapija.

Arthur, tifel ta’ 11-il sena, kien wieħed minn tal-bidu li ingħata din il-mediċina fl-isptar ta’ Great Ormond Street. Dan wara li sabulu kanċer fid-demm.

Il-ġenituri ta’ Arthur qalu li t-tifel ħassu ferm aħjar wara li ingħata din it-tip ta’ mediċina – kura li ingħatatlu wara li il-kimoterapija ma ħadmitx. Huma faħħru din il-mediċina l-ġdida għar-raġuni li m’hemmx għalfejn tittieħed bilfors fl-isptar. U għalhekk, kellhom aktar ħin flimkien bħala familja.

Din il-mediċina bl-isem ‘Blinatumomab’ hi diġa’ liċenzjata biex tingħata lil adulti li għaddejjin mill-marda tal-kanċer, iżda riċentament kienu qed jippruvaw japprovaw din il-mediċina anke għat-tfal.

Din it-tip ta’ kura hija differenti mill-kimoterapija għar-raġuni illi tħaddem is-sistema imunitarja biex tagħraf iċ-ċelloli tal-kanċer u tiġġildilhom.

Fortunatament, Arthur illum jinsab ferm aħjar u l-ġenituri tiegħu qed iħeġġu lill-awtoritajiet jipprijoritizzaw din il-mediċina għaliex verament jemmnu li din tista’ tbiddel il-ħajja ta’ għexieren ta’ nies oħra madwar id-dinja.