Lokali

Statistika Ewropea tikkonferma l-falliment tal-Gvern dwar l-għoli tal-ħajja -PN

“L-istatistika tal-Eurostat tikkonferma l-falliment tal-Gvern biex jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja. L-aħħar stħarriġ tal-Eurostat qed jindika li l-għoli tal-ħajja f’Malta hi ferm ogħla mill-medja Ewropea, kif ukoll miz-Zona Ewro u 14-il pajjiż ieħor.”

Dan sostnewh ix-Shadow Minister għall-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castillo, ix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini u x-Shadow Minister għall-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo hekk kif saħqu li gvernijiet f’pajjiżi li huma simili għal Malta, bħal Ċipru, li hu wkoll gżira-stat u li għandhom ħafna mill-istess sfidi tagħna bħall-merkanzija, ħadu miżuri immedjati u drastiċi u raw l-għoli tal-ħajja jonqos b’1% aktar f ’xahar minn Malta.

Dan filwaqt li insistew li l-Gvern ta’ Abela hu staġnat u li qed jibqa’ jirrifjuta li jisma’ lill-Partit Nazzjonalista u lill-imsieħba soċjali biex iż-żieda tal-COLA ma tkunx taxxabbli.

Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jimbotta ‘l quddiem dawn il-proposti segwenti;

Tax credits lil min iħaddem, biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA;

Ikun maħluq Fond Nazzjonali biex nappoġġjaw lill-industrija li timporta jew tesporta, u dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu mpatt tal-għoli tal-ħajja.

Mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.

Ix-Shadow Ministers insistew li l-gvernijiet madwar id-dinja qed jagħmlu l-għoli tal-ħajja l-akbar prijorità. F’pajjiżna l-Gvern qed jagħmel ftit li xejn. Aktar ma l-Gvern idum ma jagħmel dak li hemm bżonn, aktar se jdum ibati l-poplu għax l-għoli tal-ħajja taffettwa lil kulħadd, speċjalment dawk li huma vulnerabbli u li jgħixu bi dħul baxx.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jara li kwistjoni importanti bħal din tkun diskussa b’mod immedjat fil-Parlament u li ssir aktar diskussjoni f’fora bħall-MCESD, bħal ma diġà wettaq ftit tax-xhur ilu l-Partit Nazzjonalista.

Il-poplu Malti u Għawdxi kollu qed jistenna azzjoni.