Lokali Qorti

Tmienja ordnati jħallsu aktar minn €145,000 f’benefiċċji soċjali li ħadu b’qerq

Sitt irġiel u żewġ nisa, ġew ordnati jħallsu lura bejniethom is-somma ta’ €145,187 wara li ammettew fil-Qorti li ħadu benefiċċji soċjali li ma kienx ħaqqhom u għalhekk instabu ħatja ta’ frodi b’dannu għall-Gvern u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Sebgħa minnhom ingħataw ukoll sentenza sospiża u waħda ngħatat probation peress li għadha studenta.

Dan ħareġ hekk kif komplew jitressqu aktar persuni b’rabta ma’ dan il-każ u li ħafna minnhom semmew persuni li għenuhom biex jieħdu flus li ma kienx ħaqqhom jieħdu għaliex ma kienux jiukkwalifkaw għalihom.

Minkejja dan kollu sa issa għadu ma tressaq ħadd il-Qorti li kien il-prinċimess u li ħajjar mijiet ta’ nies biex jieħdu tal-mard, meta fil-verità ma kienux morda.  Uħud minn dawk li ammettew li ħadu l-flus semmew lill-eks backbencher Laburista Silvio Grixti bħala l-persuna li għal snin sħaħ għen lil mijiet ta’ nies sabiex jirċievu benefiċċji ta’ diżabilità li ma kinux intitolati għalihom – flus li daħħlu fil-but tagħhhom, kull xahar, b’mod frawdolenti

Grixti, li huwa tabib tal-familja, ipprovda dokumenti mediċi foloz lil persuni, li ġeneralment kienu ġejjin minn distretti meqjusa bħala Laburisti. Dan sabiex jirċievu ħlas ta’ madwar €450 fix-xahar f’benefiċċji soċjali; racket li ssokta anke fl-2020, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela.

Fost il-qerq ta’ dan kollu kien hemm ukoll firem foloz ta’ tobba li lanqas biss jafu lis-suppost pazjenti li kienu qed jieħdu l-benefiċċji. Issemmew ukoll persuni oħra fosthom Ministru u li kien hemm min kien jintbagħat Kastilja biex jirranġa.

Il-persuni li tressqu u ammettew il-qerq huma Justin Vella ta’ 36,Glen Dalli ta’ 28 sena, Isabel Tanti ta’ 41 sena, Kirsten Vassallo ta’ 31 sena, Chris Fenech Bonnici ta’ 36 sena, Bryan Thomas Slater ta’ 46 sena, Alan Schembri ta’ 42 sena u Selma Zinou ta’ 20 sena  

Il-Maġistrat Rachel Montebello poġġiet lil Zinou taħt ordni ta’ probation għal sentejn peress li għadha studenta. Lil oħrajn kkundannathom sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Michael Tabone, Shaun Friggieri, Keith Caruana Darmanin, Andy Rotin u Wayne Rodney Borg.