Internazzjonali

Dimonstranti fir-Russja jipprotestaw fil-konfront tal-arrest tal-attivist Fail Alsynov

Protesti kbar quddiem Qorti f’Baymak, fir-Russja, wara li attivist għad-drittijiet tal-bniedem, Fail Alsynov, ingħata sentenza ta’ ħabs.

Waqt dawn il-protesti… il-pulizija farrku ras ta’ dimonstrant, filwaqt li weġġgħu u żammew diversi oħrajn… meta użaw gass tad-dmugħ fil-konfront tagħhom.

L-awtoritajiet fetħu investigazzjoni kontra uħud minn dawk li protestaw, bl-awtoritajiet Russi jgħidu li d-dimonstranti użaw “oġġetti bħala armi”, fosthom blalen tas-silġ.

Alsynov hu attivist għad-drittijiet indiġeni u jikkampanja favur grupp etniku lokali imsejjaħ Bashkir.

Is-sena l-oħra, hu kien ġie arrestat wara li għamel diskors kontra t-tħaffir illegali tad-deheb, u sostna illi waqt li l-Bashkirs qed jiġġieldu fl-Ukrajna, ir-Russi qed jieħdulhom l-art f’Bashkortostan.