Lokali

Ebda garanzija li mhux se jiżdiedu l-prezzijiet

Il-Gvern ħabbar l-inzijattiva imsejħa “Stabbiltà” – iżda fl-istess waqt, xorta mhux jagħti garanzija li l-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi mhux se jiżdiedu.

Dan ħareġ b’mod ċar wara li tnieda eżerċizzju sabiex b’mod temporanju jonqos il-prezz ta’ ftit mill-prodotti li insibu fuq l-ixkafef tal-ħwienet u s-supermarkets – prodotti li se jkun qed jinbidel il-prezz tagħhom għal 9 xhur biss, sal-Budget illi ġej.

Qabel ħabbar din l-iskema, il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri ikkonferma li biex tfasslet din l-inizjattiva il-ħwienet iż-żgħar ma ġewx konsultanti. U kien biss jumejn ilu li irċievew ittra minn naħa tal-Gvern.

Bl-iskuża tkun li tant hawn ħwienet żgħar li skont hu “impossibli li tkellimhom kollha” u għalhekk infurmawhom b’din l-ittra.

Waqt it-tnedija tal-inizjattiva, il-Prim Ministru kien mistoqsi ripetutament biex jagħti garanzija li l-prezzijiet mhux se jiżdiedu.

F’din l-iskema…sidien jew bejjiegħa, fosthom ħwienet tal-merċa meqjusa żgħar, se jkunu qed jingħataw għotja żgħira ta’ €125 fix-xahar bħala kumpens jekk jipparteċipaw f’din l-inizjattiva.

U Robert Abela kien mistoqsi wkoll minn Net News sabiex jispjega għaliex ma kkonsultax ma’ tal-ħwienet u n-negozji ż-żgħar.

Jidher ukoll illi l-kumpanija Benna ma qablitx mal-iskema, tant li l-ħalib frisk mhux inkluż fil-lista. Dan wara li l-Gvern fl-aħħar xhur naqas milli jappoġja lir-raħħala u lill-produtturi tal-ħalib.

Il-Gvern minn naħa tiegħu qed jgħid illi hemm ħmistax il-kategorija ta’ ikel li se jkunu qed jaraw roħs ta’ 15% fil-prezz rakkomandat. Dawn il-kategoriji jinkludu għaġin bħal spagetti u penne, il-corned beef, kapuljat frisk u friżat, kemm taċ-ċanga, tal-majjal jew imħallat, pork chops friski jew friżati, saqajn tat-tiġieġ, tiġieġ friżat, cornflakes, tonn taż-żejt u kafè.

Din l-inizjattiva tolqot biss prodotti tal-ikel. U tinjora affarijiet essenzjali oħrajn bħall-prodotti tal-ħasil, prodotti tal-kura personali, prodotti tat-tfal, u oġġetti essenzjali għad-dar – dawn kollha, mhumiex se jorħsu.

Anke il-prezzijiet ta’ frott u l-ħaxix frisk, mhuwiex se jorħos.

Il-Prim Ministru minn naħa tiegħu qal ukoll li matul din is-sena se tkun qed “iċċedi” r-rata tal-għoli tal-ħajja.