Jista’ jkun li wara kollox il-bieb tal-Labour għal Konrad Mizzi għadu mbexxaq u mhux magħluq għal kollox.
Dan hekk kif fl-aħħar jiem il-Prim Ministru Robert Abela kellu dik li bosta analisti qed jiddeskrivu bħala epifanija u wara l-vaganzi tal-Milied….u wara li s-surveys interni tal-Labour bdew ibassru maltemp fil-kurituri ta’ Kastilja u taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista…. irid jerġa’ jibda jilqa’ lil dawk li warrab.
Ġustament, lura f’April Rosianne Cutajar kienet irriżenjat minn Membru Laburista u mill-Grupp Parlamentari tal-Labour wara li ġew żvelati chats bejna u bejn Yorgen Fenech fejn fihom qalet li riedet titħanżer bħal ħaddieħor…..u sussegwentament ġie żvelat li kienet ħadet impjieg ta’ konsulenza mal-ITS.
Iżda filwaqt li dan l-impjieg ġie deskritt mill-NAO bħala wieħed fantażma….u sa issa għadha ma ħalsitx lura l-eluf ta’ ewro li ħadet minn fuq dahar il-poplu għal dan l-impjieg kundannat…..issa Robert Abela qed jiftħilha l-bieb biex terġa’ lura.
Bl-istess mod fetaħ il-bieb għar-ritorn attiv fil-Labour għal Justyne Caruana, l-eks Ministru li kienet involuta f’diversi skandli fl-aħħar snin fosthom il-qrubija tal-eks raġel tagħha, u eks Depuat Kummissarju tal-Pulizija, Silvio Valletta ma’ Yorgen Fenech….u li kienet daħlet jaħdem fl-Edukazzjoni lill-ħabib tagħha fi żmien meta kienet Ministru.
Kutrumbajsi tal-Prim Ministru li żgur ma ġewx injorati ….u li ntlaqgħu b’ċertu kritika, u suspett.
Għaldaqstant Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea jekk jaqbilx ma tali deċiżjonijiet – ladarba kien hu biss mid-deputati Laburisti li fl-aħħar xhur ammetta li ma qabilx ma deċiżjonijiet li ħa l-Prim Ministru. Iżda jidher li hu jinsab komdu bl-introduzzjoni ta’ Cutajar u Caruana mal-Labour.
Mistoqsi jekk jaqbilx mar-ritorn eventwali ta’ Konrad Mizzi mal-Labour…Agius Galea ma ċaħadx. Dan minkejja dak kollu li ħareġ fil-Qrati Maltin b’rabta mal-ħidma ta’ Mizzi…fost oħrajn fid-deal skandaluż u frawdolenti tal-Vitals.