Lokali Saħħa

Il-Gvern ġab is-settur tas-saħħa f’pajjiżna fi kriżi – PN

In-nuqqasijiet tal-Gvern ġabu l-poplu jitkarrab għas-servizz tas-saħħa.

L-istqarrija ta’ JoEtienne Abela li tal-anqas 250 mediċina preżentament huma out of stock f’pajjiżna hija konferma tal-kriżi li dan il-Gvern ġab fuq is-settur tas-saħħa.

Dan juri biċ-ċar kemm dak li l-Partit Nazzjonalista ilu xhur jisħaq dwaru, huwa fatt – li f’Malta u Għawdex hawn sfida kbira minħabba nuqqas ta’ mediċini.

Mhux biss hekk, iżda jmur għal kollox kontra dak li qal Michael Falzon meta sa ftit tal-jiem ilu biss  kien qal lill-media li l-waiting lists fl-isptar spiċċaw u li l-mediċini out of stock m’għadhomx jeżistu.

Il-waiting list sabiex persuna tagħmel intervent jew saħansitra tingħata appuntament għall-outpatients mhux talli twalet, talli issa jidher li hemm waiting list oħra biex pazjenti ikun jista’ jingħata sodda meta jiġi ‘admitted’ fl-isptar Mater Dei.

Is-sitwazzjoni hija waħda prekarja, b’operazzjonjiet on hold, b’operazzjonijiet ta’ urġenza mhux isiru mill-ewwel, imma anki ġimgħat u xhur wara.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien il-Partit li investa tant f’dan is-settur. Biex insaħħu s-settur tas-Saħħa:

  • Naraw li jsir investiment fl-Isptar San Luqa, u li dan ikun inkorporat fis-sistema tas-saħħa. B’hekk ikun hemm żieda fl-ammont sostanzjali ta’ sodod bżonnjużi għall-pazjenti, u ma nħallux pazjenti fil-kurituri, stores u canteens;
  • Ikun hemm apparat tas-saħħa mill-aktar modern, li jgħin bl-aqwa mod fil-kura tal-pazjent;  
  • Li jinbena sptar ġdid għas-saħħa mentali, li ilu jiġi mwiegħed snin twal u li qatt ma sar.  
  • Li jkunu mtejba l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa biex ikunu attirati aktar nies lejn dawn il-professjonijiet;
  • Jinbena tassew sptar ġenerali ġdid f’Għawdex.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia u s-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo.