Kif kien mistenni, il-Gvern dalgħodu beda eżerċizzju sabiex b’mod temporanju jonqos il-prezz ta’ ftit mill-prodotti li insibu fuq l-ixkafef tal-ħwienet u s-supermarkets – prodotti li se jkun qed jinbidel il-prezz tagħhom għal 9 xhur biss, sal-Budget illi ġej.
Meta indirizza lill-ġurnalisti, il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri ikkonferma li biex tfasslet din l-iskema il-ħwienet iż-żgħar ma ġewx konsultanti. U kien biss jumejn ilu li irċievew ittra minn naħa tal-Gvern. Schembri qal li tant hawn ħwienet żgħar li skont hu “impossibli li tkellimhom kollha” u għalhekk infurmawhom b’din l-ittra.
Sidien jew bejjiegħa, fosthom ħwienet tal-merċa meqjusa żgħar, se jkunu qed jingħataw għotja żgħira ta’ €125 fix-xahar bħala kumpens jekk jipparteċipaw f’din l-inizjattiva.
Jidher ukoll illi l-kumpanija Benna ma qablitx mal-iskema, tant li l-ħalib frisk mhux inkluż fil-lista. Dan wara li l-Gvern fl-aħħar xhur naqas milli jappoġja lir-raħħala u lill-produtturi tal-ħalib.
Il-Gvern minn naħa tiegħu qed jgħid illi hemm ħmistax il-kategorija ta’ ikel li se jkunu qed jaraw roħs ta’ 15% fil-prezz rakkomandat. Dawn il-kategoriji jinkludu għaġin bħal spagetti u penne, il-corned beef, kapuljat frisk u friżat, kemm taċ-ċanga, tal-majjal jew imħallat, pork chops friski jew friżati, saqajn tat-tiġieġ, tiġieġ friżat, cornflakes, tonn taż-żejt u kafè.
Mal-ġurnalisti, il-Ministru Schembri semma’ li l-COLA qed tgħin biex jittaffa l-piz tal-għoli tal-ħajja; għalkemm din iż-żieda li jagħtu l-employers xorta għadha qed tiġi intaxxata mill-Gvern, li qed idaħħal fil-but mal-€40 miljun – flus li qed jittieħdu minn ħalq il-ħaddiema.
//= $special ?>