Lokali

Il-Gvern kritikat li qed jiftaħ il-bieb għat-traffikar

Wara li l-ġimgħa li għaddiet tħabbret riforma fil-Qorti tad-Droga bosta tobba u esperti… kif ukoll il-Partit Nazzjonalista … qajmu tħassib dwar dan it-tibdil, li se jincentiva it-traffikar.

Dan hekk kif ir-riforma se twassal biex il-Qorti tkun aktar ħanina ma’ min jinqabad b’500 pillola ecstasy, 200 gramma eroina, 200 gramma kokaina jew nofs kilogramma kannabis.

Wara diversi mistoqsijiet mill-ġurnalisti, il-Ministru Jonathan Attard issa spiċċa jammetti li persuna li tinqabad b’daqshekk droga huwa ovvja li mhuwiex għall-użu personali tiegħu – stqarrija li titfa’ dawl fuq il-kultura ta’ traffikar li se tincentiva din il-liġi l-ġdida.

Il-Ministru tal-Ġustizzja fl-ebda mument ma qalilna ma min għamel konsultazzjoni sabiex dawn in-numri jiżdiedu. Iżda Jonathan Attard tefa’ l-piż kompletament fuq il-Qrati.

Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista saħaq li ma jridx li traffikanti tad-droga jibdew jeħilsuha ħafif – dan apparti li oġġezzjona li l-veri vittmi tad-droga u t-traffikanti jitpoġġew fl-istess keffa u jitqiesu bl-istess mod f’għajnejn il-liġi.

Hawnhekk il-Partit Nazzjonalista aċċenna għall-fatt li min jinqabad b’dawn l-ammonti kbar ta’ droga għandu jitqies bħala traffikant u mhux vittma. Dan għaliex huwa inaċċettabbli li pajjiżna jkollu Gvern li jiddeċiedi li jċedi l-armi quddiem il-gwerra kontra t-traffikanti.

Għaldqastant il-Partit Nazzjonalista hu kommess li jaħdem bla heda sabiex ic-cittadini jkunu mħarsa mill-effetti gravi tat-traffikar tad-droga.