Il-kumpanija lokali tal-kiri tal-karozzi No Deposit Cars, magħrufa li allegatament tħobb tqarraq bil-klijenti tagħha, ngħatat struzzjonijiet biex tħassar l-informazzjoni personali li tpoġġiet b’mod żbaljat f’filmat onlajn li jirredikola lill-klijenti li ħadu azzjoni legali kontra l-kumpanija.
Dan joħroġ minn deċiżjoni maħruġa mill-Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Ian Deguara b’rabta ma’ filmat li ttella’ fuq il-websajt tal-kumpanija u l-paġna ta’ Facebook fl-1 ta’ April tas-sena li għaddiet.
Din il-kumpanija kienet taqa’ taħt it-tmexxija tal-imprenditur Christian Borg – persuna li għandu diversi akkużi fil-konfront tiegħu, fosthom li ħataf persuna u li huwa ħabib tal-Prim Ministru Robert Abela. Fil-fatt il-kumpanija hija sinonima mad-direttur tagħha ta’ dak iż-żmien, Christian Borg – eks klijent legali tal-Prim Ministru Robert Abela, li miegħu Abela pparteċipa fi ftehim ta’ proprjetà fl-2018.
Il-filmat ipprova jwaqqa’ għaż-żuffjett lill-avukat Jason Azzopardi u lil diversi klijenti tiegħu li għenhom f’kawżi kontra l-kumpanija.
Jissostni li hija tweġiba għal ilment legali mressaq minn Azzopardi kontra No Deposit Cars, li tagħmel parti mill-kumpanija Princess Holdings, u s-sid Christian Borg, f’dokument li kien iffirma. Fil-protest ġudizzjarju, il-klijenti akkużaw lil Borg li pparteċipa f’konfoffa kriminali, wara li ġiegħlu jew iġegħluhom iħallsu ‘l fuq minn €1,000 għal kontravenzjonijiet immaġinarji li qalulhom li għamlu, meta dan ma kien minnu xejn.
Il-klijenti talbu li Borg jiġi investigat ukoll u, fl-aħħar mill-aħħar, jiġi proċessat talli kien parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata. Kien it-tieni filmat bħal dan li ttella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-kumpanija – l-ewwel kien immirat għall-ġurnalisti tal-MaltaToday li żvelaw kif għexieren ta’ eks-klijenti ppjanaw li jfittxu lil Borg u lill-kumpanija.
Borg jinsab akkużat fuq jaż ieħor, flimkien ma’ xi ħbieb tiegħu, li ħataf u sawwat b’mod selvaġġ eks impjegat tiegħu – milli jidher fuq karozza li kienet nieqsa. Il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data ordna lil No Deposit Cars biex ineħħu d-data personali kollha relatata mal-individwi indikati fil-filmat, kif ukoll l-ismijiet, il-kunjomijiet u n-numri tal-karti tal-identità kollha li jinsabu fil-protest ġudizzjarju, fi żmien 20 jum. .
Il-Kummissarju ordna wkoll li jekk dan ma jkunx possibbli, il-filmat jitneħħa kollu kemm hu. Deguara wissa li n-nuqqas ta’ konformità sħiħa mal-ordni f’dak il-perjodu ta’ żmien jirriżulta fl-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva skont ir-regolament, li tista’ tilħaq €20,000,000, jew sa 4% tal-fatturat annwali totali ta’ kumpanija madwar id-dinja fil-passat reċenti.
//= $special ?>

