Lokali Saħħa

Il-Ministru tas-Saħħa mġiegħel jibgħat stqarrija biex ibiddel dak li qal dwar il-mediċini ‘out of stock’

Il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela kien imġiegħel jibgħat stqarrija ta’ ‘kjarifika’ biex ibiddel dak li qal ilbieraħ dwar l-ammont ta’ mediċini out of stock.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija li saret minn Net News dwar kemm huwa l-ammont ta’ mediċini ‘out of stock’, il-Ministru wieġeb li bħalissa hemm 250 mediċini out of stock.

Iżda inqas minn 24 siegħa wara, il-Ministru Abela kien kostrett minn Kastilja biex ibiddel il-verzjoni tiegħu… tant li kmieni l-Ħamis filgħodu ntbagħtet stqarrija ta’ ‘kjarifika’ mill-Ministeru tas-Saħħa li tgħid li bħalissa hemm 14-il mediċina tal-POYC out of stock fil-pajjiż,

L-istqarrija tikkonferma wkoll li qed ikun hemm dewmien fit-tqassim tal-ammonti mitluba… bil-Ministeru jitfa’ t-tort ta’ dan id-dewmien fuq il-loġistika ta’ kif jitqassmu dawn il-mediċini.

Dak li qal Jo Etienne Abela meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ Net News imeri għal kollox dak li qal il-Ministru Michael Falzon meta sa ftit tal-jiem ilu biss kien qalilna li l-waiting lists fl-isptar spiċċaw….u li l-mediċini out of stock m’għadhomx jeżistu. Fatt li l-Ministru tas-Saħħa stess kellu jammetti li mhuwiex minnu.

Jo Etienne Abela kkonferma wkoll għal darb’oħra dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq ix-xhur, li l-Isptar Mater Dei mhux ilaħħaq kawża taż-żieda kbira fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna.

Taħt it-tmexxija tal-eks Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, il-pazjenti tqiegħdu suppost temporanjament fil-canteen tal-istaff u fil-librerija tal-Isptar Mater Dei… b’nuqqas ta’ privatezza, showers jew toilets adegwati. Dan filwaqt li l-waiting lists qed ikomplu jiżdiedu bi sfida waħda wara l-oħra li qed tissarraf f’detriment għal saħħet il-pazjenti u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-saħħa.