Is-sitwazzjoni attwali fis-settur tal-kostruzzjoni hija riżultat ta’ kultura li l-aħjar mod kif tiddeskriviha hija “ejja ejja ħa nmexxu” – fattur li jinħass sew fix-xogħol ta’ dan is-settur. U kollox jindika li l-fatalijiet f’dan is-settur huma frott il-fatt li l-profitti u l-flus qed jiġu qabel is-sigurta u saħħet il-ħaddiema.
Dan ħareġ mill-konklużjonijiet tal-istudju li jġib l-isem The Ejja Ejja Culture’….riċerka mwettqa mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan il-Knisja Maltija.
Matul din ir-riċerka, li fiha ġew intervistati aktar minn 40 ħaddiema, superviżuri, u professjonisti varji ħareġ biċ-ċar li hawn ħafna nies, partikolarment barranin, li mhux qed igawdu mill-protezzjoni tal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet maħsuba biex jipproteġu lill-ħaddiema….li sfortunatament qed iħallsu l-ogħla prezz…b’ħajjithom.
Net News tkellem mal-awtur tar-rapport…Mark Cachia illi insista li l-prattiċi li m’humiex siguri f’din l-industrija jridu jinqatgħu.
Huwa saħaq li ħafna mill-barranin ma jirrapportawx l-irregolaritajiet li jgħixu fuq il-post tax-xogħol minħabba l-biża’ li jiġu deportati minn Malta.
Mir-rapport tal-Knisja, ħareġ li fl-aħħar 9 snin pajjiżna kellu 56 fatalità fuq il-post tax-xogħol – u bejn 400 u 500 inċident kull sena.
Il-parteċipanti barranin f’dan l-istudju, saħqu li x-xogħol għalihom huwa biss fortuna…ċans li jridu jaħtfu. Iżda spjegaw li diversi persuni jħadmuhom mingħajr taħriġ adegwat…u jekk tgħid le għal xi ħaġa, jkeċċuk.
Daniel Darmanin, President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi saħaq li l-Kummissjoni ħasset il-bżonn ta’ studju fil-fond dwar din l-industrija – partikolarment wara l-imwiet ta’ Miriam Pace u Jean Paul Sofia.
Dan filwaqt l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi insista li dan l-istudju jindirizza d-dnub soċjali, u jenfasizza wkoll l-impenn tal-Knisja favur il-valuri tal-ġustizzja, kompassjoni u rispett.
Wara dan l-istudju…il-Kummissjoni qed tirrakkomanda fost oħrajn li jintużaw il-policies kollha neċessarji sabiex jintaqqsu r-riskji għal ħaddiema…u mhux nibnu fl-iqsar żmien possibbli.
Li l-unions tal-ħaddiema ikunu minn ta’ quddiem biex jitkellmu fuq id-drittijiet tal-ħaddiema..b’mod attiv, inkluż dawk barranin.
U li jissaħħew il-korsijiet ta’ taħriġ dwar saħħa u sigurtà kif ukoll li jiżdiedu r-riżorsi għall-OHSA.
Finalment il-Kummissjoni insistiet li l-kopertura tal-assigurazzjoni għandha tkun prerekwiżit għal dawn il-kuntratutri li jridu jkunu liċenzjati.
//= $special ?>