Hekk kif fadal inqas minn xahrejn għall-inawgurazzjoni tal-ewwel maltabiennale, jinsabu fl-aqwa taghhom il-preparazzjonjiet għall-armar tal-padiljun prinċipali, il-padiljuni nazzjonali u l-padiljuni tematiċi. U fl-isfond ta’ dawn il-preparamenti … il-President ta’ Malta żar il-MUŻA fejn seta jara aktar mill-qrib ix-xogħol li issa daħal fit-tieni fażi tiegħu.
Il-President Vella qal li jinsab kemm sorpriż kif ukoll kuntent b’kif sejrin il-preparamenti għall-maltabiennale 2024.
Il-President Vella irrimarka wkoll dwar in-natura kollaborattiva ta’ dan lavveniment, “li mhux biss jiġbor flimkien artisti multidixxiplinarji kontemporanji minn madwar il-globu iżda jgħaqqad ukoll il-wirt storiku ta’ Malta mal-arti kontemporanja, u għall-ewwel darba jibdel diversi siti ta’ wirt ikoniku fi spazji ta’ esibizzjoni. Dan filwaqt li jwassal l-arti lin-nies u mhux bil-kontra.”
Intant fi stqarrija Heritage Malta qalet li l-antiċipazzjoni għall-avventiment tas-sena poġġiet lil Malta fost l-ewwel 10 destinazzjonijiet kulturali Ewropej għall-2024 – stennija li skont il-ġurnal The Guardian, qed togħla fil-komunità kulturali internazzjonali.
Mario Cutajar, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta minn naħa tiegħu spjega li bħalissa qed jintagħżlu l-artisti-parteċipanti u l-padiljuni nazzjonali, hekk kif fi żmien xahrejn Malta ser tkun qed tinbidel f’ċentru ta’ innovazzjoni u kreattività, bi 80 artist internazzjonali jtella’ spettaklu f’uħud mill-aktar siti storikament sinifikanti fil-Mediterran.