Ir-raġel akkużat li spara fatalment lil Eric Borg fir-Rabat fl-Ewwel tas-Sena kien qatta’ tliet xhur fi sptar psikjatriku fl-2012, kien qed jiġi kkurat għal imġieba aggressiva u li ta’ spiss kien jitlef it-tempra. Quddiem il-maġistrat Marseanne Farrugia l-Ħamis kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Noel Azzopardi li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Borg fi Triq Fidloqqom, fl-inħawi tan-Nigret tar-Rabat fl-1 ta’ Jannar.
Azzopardi ta’ 39 sena mir-Rabat qed jiġimixli bil-qtil ta’ Borg ta’ 27 sena li huwa wkoll mir-Rabat permezz ta’ żewġ tiri ta’ senter fit-3.30pm. L-espert medikolegal Dr Mario Scerri, li kien inħatar biex jassisti fl-inkjesta mill-maġistrat tal-kariga, xehed u ressaq rapport dwar is-sejbiet tiegħu. Fuq il-post kien mar l-Avukat Scerrri li ddeskriva l-pożizzjoni ta’ kif kienu l-karozzi Volvo u l-Land Rover tal-vittma, kif ukoll il-katavru tiegħu, li meta wasal kien miksi b’folja.
Huwa nnota żewġ skrataċ tas-snieter eżawriti, wieħed ħdejn sieq Borg, qal, kif ukoll feriti fuq dahru u fuq in-naħa tal-lemin ta’ żaqqu. Dr. Scerri qal li kien wettaq eżami aktar komprensiv tal-katavru wara li ġie trasferit fil-kamra mortwarja. Huwa skopra tbenġila fuq wiċċ Borg, li qal li x’aktarx kienet ikkawżata meta ġismu kien ħabat mal-art.
Il-ferita f’dahar Borg kienet tindika li l-isktrataċċ tax-shotgun kienu bdew jinfirxu qabel laqtu l-katavru, li qal huwa kompatibbli mat-tir li jkun sparat mill-viċin iżda mhux f’kuntatt mal-vittma. Il-ferita f’żaqqu kienet ukoll sparata minn medda simili, huwa qal. Borg miet b’riżultat ta’ telf ta’ demm. “Iż-żewġ feriti kkawżaw ħafna ħsara u rriżultaw f’xokk ipovolemiku (kundizzjoni ta’ emerġenza li fiha telfien ta’ demm jew telf ieħor ta’ fluwidu jagħmel li l-qalb ma tkunx tista’ tippompja biżżejjed demm lejn il-ġisem. Dan it-tip ta’ xokk jista’ jikkawża li ħafna organi jieqfu jaħdmu). li wasslu għal mewt,” qal l-espert.
Dr Scerri qal li mbagħad kien kellem lill-imputat. Azzopardi kien sofra minn tumur fejn griżmejh u li kien operat meta kellu erba’ snin, u għal darb’oħra fl-1988 meta kellu 14-il sena. Ikkjarifika li r-rekords mediċi u r-rekords tas-CT scans urew li Azzopardi ma kellu l-ebda rekord li qatt kellu tumur fil-moħħ jew fil-parti newroloġika.
Huwa qal li l-imputat kien iddaħħal l-Isptar Monte Carmeli u ġie kkurat bħala in-patient hemmhekk minn Lulju 2012 sa Settembru 2012 wara inċidenti ta’ mġieba aggressiva, nuqqas ta’ konformità mal-medikazzjoni u li ta’ spiss jitlef it-tempa. Sussegwentement Azzopardi kien ħareġ hu min jeddu mill-isptar aktar tard.
L-espert tal-qorti osserva li r-rekords mediċi wrew numru ta’ visti minn psikjatra mill-2016 sal-2023 iżda l-ebda noti tal-psikjatra. Dr Scerri qal li jkun rakkomandabbli li l-psikjatra inkwistjoni jixhed dwar dan hu stess. L-espert tal-qorti esebixxa d-dokumentazzjoni kollha li kien sab dwar it-trattamenti tal-imputat mis-servizz tas-saħħa pubblika.
Wara xehed l-Ispettur Wayne Camilleri mill-Iskwadra tal-Omiċidji tal-pulizija, li esebixxa kull rapport tal-pulizija – 13 b’kollox, mhux inkluż dak dwar il-qtil – li fih issemma isem Noel Azzopardi. L-ewwel wieħed kien imur lura għall-2011 u ttratta rapport ta’ attakk indiċenti vjolenti fuq mara. Rapporti aktar tard kienu jinkludu dawk dwar il-vjolenza domestika u ħsara ħafifa fuq il-ġisem.
Surġent mill-Uffiċċju tal-Armi tal-pulizija xehed li Azzopardi kellu sitt snieter reġistrati miegħu u esebixxa r-rekords rilevanti. Huma kienu kollha ġew ikkonfiskati wara l-qtil, qalet ix-xhud. Surġent tal-pulizija mill-għassa tar-Rabat xehed li rċieva r-rapport fit-3:30pm tal-1 ta’ Jannar.
Huwa kien mar fuq il-post u kien l-ewwel li ra l-katavru tal-vittma. Il-mowbajl ta’ Borg kien mal-art ħdejn rasu u ċ-ċwievet tal-Land Rover tiegħu ħdejn idejh. L-identifikazzjoni inizjali tal-vittma saret permezz tar-rekords tar-reġistrazzjoni ta’ dik il-karozza.
Waslet ambulanza, bil-konsulent tal-mediċina ta’ emerġenza Jonathan Joslin abbord. Joslin kien ipprova jqajjem lill-vittma iżda kien tard wisq, qal ix-xhud. Aktar tard dakinhar Noel Azzopardi kien mar l-għassa tar-Rabat, akkumpanjat minn żewġ membri tal-familja, kompla s-surġent.
Huwa qal lill-pulizija li kien mar jimxi liż-żewġt iklieb tiegħu u kien iltaqa’ ma’ raġel li kellu diskussjoni miegħu. F’ħin minnhom ir-raġel kien staqsieh jekk hux se jkun hemm xi inkwiet. Dan għaliex dan ir-raġel staqsieh jekk sparax u t-tweġiba tiegħu kienet biss ‘ħeqq, ħeqq.’”
Il-kumpilazzjoni tal-evidenza ġiet differita għal 31 ta’ Jannar li ġej fit-3.15pm. Azzopardi qed jiġi difiż mill-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Alex Miruzzi. L-Ispettur Wayne Camilleri qed imexxi l-prosekuzzjoni, flimkien mal-avukat Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Joe Giglio u Michela Giglio, qed jirrappreżentaw lill-familja tal-vittma bħala parte civile.