Charles Azzopardi, PN
Jeħtieġ politika lingwistika li tagħraf l-importanza li l-lingwa tibqa’ attiva biex titħaddem b’mod sabiħ u komdu.
Dan sostnih fil-parlament id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għad-Delizzji u t-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja Charles Azzopardi meta kien qed jitkellem fl-Aġġornament tal-parlament.
Charles Azzopardi qal li l-identità twassal għal sens ta’ għaqda u ta’ nazzjon kif jixraq. Hu kompla li l-poplu jrid iżomm sħiħ dak li jagħmlu differenti u għalhekk il-lingwa għandha tibqa’ tingħata prijorità għaliex tagħmel lill-poplu Malti differenti mill-pajjiżi kollha.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-lingwa tagħmel lill-poplu Malti nazzjon u għalhekk din ma tistax tkun perikolata jew imdgħajfa. Il-ġenerazzjonijiet passati irsistew biex il-lingwa Maltija tibqa’ mhux mittiefsa. Il-poplu Malti dejjem għaraf l-importanza tal-lingwa Maltija.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-lingwa tidentifika lill-poplu Malti bl-element Għarbi, rumanz u Ingliż tagħha. Hu sostna li l-lingwa Maltija anki tiddistingwi lill-poplu Malti fl-UE u għalhekk appella biex il-lingwa ma tkun qatt ballun politiku.
Charles Azzopardi kompla li l-lingwa tagħti definizzjoni ta’ identità iżda illum tinsab f’riskju f’dinja diġitali li tinsab aljenjata qalb il-konsumiżmu. Jeħtieġ politika lingwistika li tagħraf l-importanza li l-lingwa tibqa’ attiva biex il-lingwa titħaddem b’mod sabiħ u komdu.
Illum il-poplu Malti jrid jiddefendi lilu nnifsu mill-korruzzjoni u m’hemm xejn li jħeġġu jiddefendi lil Malta waqt li jerġa’ jsibu l-għeruq tal-poplu. Min qed imexxi nesa l-missjoni tiegħu; il-pajjiż jixraqlu identità.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-poplu għandu jfittex dak li jgħaqqdu ‘l bogħod mill-intriċċi li wettaq dan il-gvern. Minħabba l-influss ta’ barranin, il-lingwa Maltija qed tispiċċa mhedda.
Din l-għodda għandha tinżamm b’saħħitha waqt li l-barranin li jiġu f’Malta għandhom ikunu jafu jitkellmu l-Malti bażiku daqs kemm jafu jitkellmu bl-Ingliż.
Il-lingwa Maltija għandha tkun elevata ‘l fuq, sostna Charles Azzopardi, li kompla li l-ġenerazzjonijiet passati għarfu l-importanza li l-lingwa Maltija tkun il-lingwa nazzjonali.
Jeħtieġ isir investiment fl-għalliema tal-Malti fl-iskejjel għaliex dawn huma fattur importanti. Il-pajjiż għandu bżonn strtaeġija serja kif il-lingwa Maltija tingħata l-imprortanza li jixirqilha.
Kull programm varat għandu jun ibbażat fuq ir-riċerka u mhux fuq l-esiġenzi tas-suq. Il-lingwa Maltija m’għandha tkun qatt il-ħaruf tas-sagrifiċċju.
14-il sena ilu Gvern Nazzjonalista waqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti li għandu jinqata’ mill-element partiġġjan, sostna d-deputat Nazzonalista li appella biex kulħadd juża’ l-lingwa Maltija għaliex ħadd m’għandu jsib biben magħluqa meta l-Malitn jitkellmu bil-Malti.