Koppja Niġerjana ġiet akkużata b’reati ta’ immigrazzjoni wara li twaqqfet fl-ajruport waqt li kienu qed jippruvaw jitilqu minn Malta lejn l-Italja bit-tifel tagħhom ta’ tliet snin. F’kawżi separati quddiem il-Maġistrat Victor Axiak il-Ħamis, l-Ispettur Lara Butters akkużat lil Abuchi John ta’ 29 sena u lil żewġha Ajoke Shittu ta’ 31 sena b’pussess u użu ta’ passaporti foloz u li għamlu dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni.
L-ispettur spjega li l-akkużati u binthom ta’ tliet snin kienu ppruvaw jaqbdu titjira lejn Napli l-Erbgħa, bl-użu ta’ dokumenti foloz. “Kienet familja,” ikkonferma l-ispettur, “raġel, mara u tifla ta’ 3 snin.” Qalet li l-akkużati kienu kkonsultaw mal-avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia qabel ma taw stqarrija lill-pulizija.
“Kienu waslu Malta fl-2020 u l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil ġiet miċħuda, kif ukoll l-appell tagħhom. Tbatija finanzjarja wasslithom biex jippruvaw jiċċaqilqu barra l-pajjiż u għalhekk irrikorrew biex jużaw dokumenti foloz,” qalet l-ispettur.
L-omm tressqet il-Qorti l-ewwel. L-Avukat Martin Farrugia qal lill-Qorti li l-akkużata se tkun qed twieġeb mhux ħatja tal-akkużi. Huwa oġġezzjona għat-talba tal-ispettur biex id-data msemmija fl-akkużi tiġi emendata minn “16 ta’ Jannar u l-jiem u l-ġimgħat ta’ qabel” biex taqra “is-17 ta’ Jannar u l-jiem u l-ġimgħat ta’ qabel”.
Dr. Farrugia qal li t-talba saret wara li l-akkużi kienu ġew iffirmati u rreġistrati. L-emenda għall-akkużi “għamlet l-implikazzjoni gravi li r-reat seħħ ukoll fil-jiem preċedenti”, issottometta l-avukat. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ordnat li l-akkużi emendati jerġgħu jinqraw lill-imputat, li kkonfermat it-tweġiba tagħha ta’ mhux ħatja.
Id-difiża mbagħad talbet il-ħelsien mill-arrest, bl-Ispettur Butters toġġezzjona għall-pleġġ tal-mara. Filwaqt li saħqet fuq in-natura serja tad-delitt, il-prosekutur qalet li kien hemm riskju ċar li taħrab u żiedet li l-mara kienet ilha tgħix f’akkomodazzjoni mikrija li minn dak iż-żmien kienet mikrija lil xi ħadd ieħor.
Farrugia sostna li l-libertà proviżorja tista’ tiġi miċħuda biss biex l-imputata ma tbgħabas fil-provi, li kollha kienu dokumentarji, u xhieda, li ma m’hemmx. Il-Qorti rrimarkat li r-riskju ta’ ħarba kien ukoll fattur li għandu jiġi kkunsidrat, iżda Dr. Farrugia rrisponda li dan ir-riskju seta’ jittaffa b’għodod li kienu għad-dispożizzjoni tal-qorti.
Il-qorti tista’ tordna lill-akkużata toqgħod f’post fiss, issottometta l-avukat, li ssuġġerixxa li hi tista’ toqgħod fl-istess indirizz li kienet okkupat qabel. L-avukat saħaq li l-mara kienet għadha qed tfittex ażil. “Aħna nfurmati li l-applikazzjoni għall-ażil ġiet miċħuda, iżda għadna ma rajna xejn uffiċjali. Dan ma jfissirx li l-klijent tiegħi mhux qed ifittex ażil – xorta tista’ tapplika għall-protezzjoni internazzjonali għal raġunijiet oħra. Il-klijenta tiegħi talbet l-ażil u għadha qed titlob l-ażil. Qed tfittex l-ażil f’dan il-pajjiż u lanqas ma tistax tintbgaħat lura lejn pajjiżha.”
L-Avukat Farrugia qal lill-Qorti li l-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ dawk li Jfittxu Ażil (AWAS) kienet qed tassistiha wkoll u tista’ tipprovdi akkomodazzjoni. Min-naħa tagħha, l-Ispettur Butters qalet lill-Qorti li kkonfermat iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil skont id-database rilevanti, filwaqt li argumentat li l-familja spiċċat mingħajr għażliet legali.
“Ma jistgħux jippreżentaw applikazzjoni oħra għall-ażil. L-AWAS mhux suppost iżżomm lin-nies hemmhekk ladarba l-proċess tal-ażil tagħhom jiġi miċħud, għalhekk sfortunatament għal din il-familja, dan ma jistax jiġi aċċettat,” qalet Butters.
Fil-Qorti ntqal li t-tifla ta’ tliet snin bħalissa kienet fil-ħarsien tal-Appoġġ u li kieku l-omm kellha tinżamm taħt arrest preventiv, il-pulizija kienet titlob li tinħareġ ‘care order’ għat-tifla. Id-difiża kompliet tinsisti li kien hemm dubju dwar it-talba tal-prosekuzzjoni, u żiedet li fi kwalunkwe każ, persuna li titlob l-ażil tista’ tiġi rritornata bil-forza lejn pajjiż fejn kien hemm riskju ta’ persekuzzjoni.
Il-qorti wieġbet li r-ripatriazzjoni ma kinitx il-kwistjoni. “Il-qorti teħtieġ post fejn il-mara tkun toqgħod jekk tinħeles fuq pleġġ.” Il-<aġistrat talab lir-rappreżentanta tal-AWAS biex tiċċara s-sitwazzjoni. Ir-rappreżentanta tal-AWAS Sarah Stafrace telgħet tixhed fuq talba tal-qorti.
“Nista’ nikkonferma li fis-sitwazzjoni tagħha, bi tifla żgħiar, l-AWAS se taċċettaha u tilqagħha sakemm jiġu konklużi l-proċeduri fil-qorti,” qalet Stafrace, li spjegat li l-mara jew toqgħod fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa jew ċentru ieħor ta’ akkoljenza bħal dak ta’ Ħal Far.
“Kellna każijiet fejn dawk li jfittxu l-ażil miċħuda tħallew joqogħdu – tfal, ommijiet waħedhom, kwistjonijiet ta ‘saħħa mentali, diżabilitajiet fiżiċi. L-aġenzija dejjem tistinka biex iżżomm il-familja flimkien”, żiedet tgħid.
Wara li semgħet din ix-xhieda, l-Ispettur Butters sostniet li l-prosekuzzjoni ma toġġezzjonax għall-ħelsien mill-arrest, minħabba t-tifla. Hawn hi laqgħet it-talba għal pleġġ, il-qorti ordnat lill-mara biex tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tal-Marsa tliet darbiet fil-ġimgħa u tosserva curfew.
Ma ġie impost l-ebda depożitu ta’ pleġġ, il-qorti minflok torbot lill-mara biex tosserva l-kundizzjonijiet tagħha ta’ pleġġ b’garanzija personali ta’ €20,000. Il-Maġistrat spjega lill-imputata x’kien mistenni minnha waqt li kienet fuq il-libertà proviżorja u x’tista’ titlef jekk tonqos milli timxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-qorti.
Żewġha jinżamm arrestat
Tressaq ukoll ir-raġel tal-mara ta’ 31 sena, Ajoke Shittu. L-Ispettur Butters qalet lill-Qorti li kien ġie arrestat fl-istess ħin u fl-istess ċirkustanzi ta’ martu. Huwa kien qal lill-pulizija li kien iddisprat wara li l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil kienet ġiet miċħuda u kellu bżonn imur barra biex ifittex ħajja aħjar għall-familja tiegħu. Aktar tard fl-istqarrija ma baqax jikkopera, żiedet tgħid l-Ispettur.
Ir-raġel għall-ewwel wieġeb ħati meta reġa’ kien mistoqsi kif se jwieġeb għall-akkużi. “Għall-familja tiegħi, iva,” qal meta mitlub jikkonferma l-ammissjoni tiegħu. Il-qorti talbet tweġiba ċara, ħati jew le lil Shittu. “Int ħati?” staqsa l-Maġistrat. L-imputat deher konfuż u wara qal. “Le.”
Imbagħad intalbet il-libertà proviżorja mill-avukat difensur tar-raġel, Martin Farrugia. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, bl-Ispettur Butters targumenta li r-raġel kien irnexxielu jixtri dokumenti foloz biex iħalli Malta mal-familja tiegħu. L-Ispettur Butters saħqet li dan kien reat serju u qalet lill-Qorti li l-imputat qalilha li ma kellu l-ebda flus u lanqas ma kellu fejn joqgħod.
Għad-difiża, Dr. Farrugia saħaq li f’dan l-istadju l-akkużi kienu jittrattaw allegazzjonijiet u li l-klijent tiegħu kien għadu preżunt innoċenti, filwaqt li għamel sottomissjonijiet simili għal dawk li kien għamel fir-rigward ta’ mart l-imputat.
“Il-klijent tiegħi huwa persuna li qed tfittex ażil. Bħala persuna li tfittex l-ażil hemm għażliet li jista’ jagħmel użu minnhom, kif diġà xehdu dwarhom l-AWAS. Il-klijent tiegħi huwa missier. Missier t’ tifla. Huwa akkużat b’reat kriminali u martu ġiet akkużata bl-istess mod u ngħatat il-libertà proviżorja.”
F’dawn iċ-ċirkostanzi ma kien hemm l-ebda raġuni biex tiddiskrimina bejn l-omm u l-missier fir-rigward tal-libertà proviżorja f’dawn iċ-ċirkustanzi, hu qal, filwaqt li talab lill-qorti biex ma tkissirx il-familja. Il-prosekuzzjoni rrispondet li l-omm kienet ingħatat il-libertà proviżorja biex tieħu ħsieb bintha u li dan ma kienx jikkostitwixxi diskriminazzjoni.
Dr. Farrugia wieġeb li t-tifla għndha bżonn liż-żewġ ġenituri u li ma kienx hemm raġuni biex ir-raġel jiġi ddiskriminat billi billi jkunu mponuti kundizzjonijiet differenti mill-omm. Il-Qorti, iżda, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u qalet li ma hemmx assigurazzjoni biżżejjed li l-imputat “se jkun jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet li kieku kienu jiġu imposti, fosthom li ma jaħrabx mill-gżejjer Maltin.” Ir-raġel inżamm arrestat.


