Aktar tard dan ix-xahar, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tmur l-Italja u tesegwixxi kunċerti f’żewġ swali prestiġjużi: l-Auditorium Parco della Musica ‘Ennio Morricone’ f’Ruma u fl-Auditorium Manzoni ta’ Bologna. Bħala istituzzjoni nazzjonali, b’dan it-tour l-orkestra se tkompli tkun ambaxxatriċi ta’ pajjiżna permezz tar-repertorju tagħha.
Taħt il-bakketta tad-Direttur Mużikali Residenti Michael Laus, l-orkestra se tinterpreta x-xogħol monumentali Double Concerto for violin and cello ta’ Brahms bis-sehem tas-solisti Carmine Lauri (vjolin) u Erica Piccotti (ċello), kif ukoll in-Nutcracker Suite ta’ Tchaikovsky. Ma jistax jonqos li l-orkestra ma ddoqqx ukoll mużika lokali; mill-pinna ta’ tliet kompożituri kontemporanji: The Forbidden ta’ Reuben Zahra, Mesogeios ta’ Christopher Muscat, bis-sehem ta’ Francesco Sultana jdoqq strumenti tradizzjonali Maltin, u Crux ta’ Josef Bugeja.
Għall-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, dan it-tour huwa opportunità oħra ta’ esperjenzi mużikali barra minn xtutna. Aktar minn hekk, it-tour se jkompli juri l-impenn tal-orkestra li i tesporta l-kultura ta’ pajjiżna permezz tal-lingwa universali tal-mużika.
//= $special ?>