Edukazzjoni Lokali

“L-istudenti qed iħallsu l-prezz tal-inkompetenza tal-Gvern” – PN

L-istudenti qed jispiċċaw iħallsu l-prezz tal-inkompetenza tal-Gvern u dan kollu kawża tat-tkaxkir tas-saqajn li issa ilu għaddej għal dawn l-aħħar xhur.

Dan kien il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri, mix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali Ivan Castillo u mix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Bernice Bonello.

Justin Schembri spjega li ftit jiem biss qabel jibdew l-l-eżamijiet fl-MCAST, għad hemm l-azzjonijiet industrijali għaddejjin… liem azzjonijiet inħarġu s-sena li għaddiet wara li ma ntalaħaqx qbil dwar il-pakkett finanzjajru tal-edukaturi.

Qal kif il-Gvern għadu qed ikaxkar saqajh u mhux qiegħed jasal għall-konklużjonijiet fiż-żmien stipulat u kien proprju għalhekk li l-MUT kellha toħroġ azzjonijiet industrijali li qed iwasslu biex ma jingħatawx il-marki tal-assignments u tal-eżamijiet lill-istudenti.  

Min-naħa tiegħu Ivan Castillo qal li spiċċajna f’sitwazzjoni fejn għal sentejn sħaħ ir-relazzjonijiet industrijali bejn il-Gvern u t-trade union huma staġnati u dan minħabba l-fatt li l-Gvern ikaxkar saqajh.

L-MUT kienet tat numru ta’ proposti lill-Gvern iżda min-naħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni ma kien hemm xejn konkret. Fejn issa apparti li l-edukaturi mhux qed jieħdu dak li ħaqqhom, issa qed jispiċċaw ibatu l-istudenti.

Bernice Bonello spjegat li din is-sitwazzjoni qed toħloq ukoll pressjoni fuq il-ġenituri ta’ dawn l-istudenti, fejn il-marki huma dritt tal-istudenti li jirċevuhom. Qalet li iktar kemm il-Gvern se jdum ma jasal fi qbil, iktar se tkompli tiżdied l-inċertezza.