Fil-jiem li ġejjin, Benny Brimmer, li huwa artist ta’ 65 sena minn St Venera u joqgħod Ħal Qormi, se jkun qed itella’ esebizzjoni tal-arti. Hu beda jpinġi minn ta’ eta’ żgħira. Infatti kellu biss ħames snin meta kien beda jagħmel tpinġijiet bil-lapes. Imbagħad fis-sena 2000 beda jpitter biż-żejt fuq it-tila..u huwa artist self-taught, jiġifieri qatt ma mar jitgħallem imkien. Tgħallem mill-esperjenza, fejn il-perseveranza u determinazzjoni tiegħu wasluh għal livell tajjeb ħafna kif ipinġi llum il-ġurnata.
Benny ħa sehem f’diversi esebizzjonijet kollettivi. Esperjenza li qatt ma jinsa’ hi meta ħa sehem fl-irkant tal-Istrina 2006. Hu kien ħa sehem b’pittura taċ-Ċittadella bil-lejl. Kien semmieha ‘It-Tokk mal-Lejl’. L-irkantatur kien James Rizzo. Il-prezz tal-pittura kien qabeż kull aspettiva għax minn Lm150 telgħet għall-prezz ta’ Lm510.
Benny Brimmer kien ikkumissjonat privatament ħafna drabi u għandu diversi pitturi fi djar fl-Ingilterra, l-Italja, Franza, il-Greċja u l-Kanada. Issa se jkun qed jesebexxi waħdu diversi pitturi ta’ żejt fuq it-tila.
L-esebizzjoni se tittella’ Ir-Razzett tal-Markiż, il-Mosta mis-17 sal-25 ta’ Frar 2024, bejn l-4pm u t-8pm.



