Lokali Qorti

Mixli li seraq b’€2,400 f’inbid mir-ristorant fejn kien jaħdem

‘Sommelier’, li huwa waiter li jservi l-imbid ġie mixli b’serq inbid valur ta’ ta’ €2,400 mir-ristorant fejn kien impjegat, wara li l-mixja distintiva tiegħu wasslet lill-pulizija biex isibu l-fliexken fir-residenza tiegħu. L-Ispanjol Jose Castano Rivera, resdienti s-Swieqi tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Victor Axiak il-Ħamis, akkużat b’serq, aggravat bil-valur.

L-Ispettur Warren Galea, li kien qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Francesco Mizzi u l-Prosekutur Dr. Alessia Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ta rendikont qasir ta’ dak li kien wassal għall-arrest tar-raġel.

Għall-ħabta tas-2:30pm tas-7 ta’ Jannar, l-għassa tal-Qawra rċeviet rapport ippreżentat mill-Manager ta’ ristorant fil-Mellieħa, fejn sostna li mill-post insterqu 13-il flixkun inbid. Il-Manager qal lill-Pulizija li dakinhar għall-ħabta tal-11:30am, l-imputat kien għalaq ir-ristorant. Meta reġa’ infetaħ wara nofsinhar, instabu neqsin il-fliexken tal-inbid, li allegatament jiswew madwar €2,400.

Il-Pulizija kienet eżaminat filmati tas-CCTV mir-ristorant, li wrew persuna dieħel fir-ristorant fil-11:45am dakinhar, bl-użu ta’ ċavetta li evidentement kienet tiħalla f’qasrija ħdejn il-bieb. Il-persuna skonettjat l-allarm bl-użu tal-kodiċi magħrufa mill-persuna u pproċediet biex tieħu l-fliexken u poġġihom ġewwa borża tal-kanvas.

L-inkjesti tal-Pulizija li saru ma’ numru ta’ nies kienu kollha rrimarkaw lejn Rivera, mhux l-inqas minħabba l-mixja partikolari tal-persuna li tidher fuq il-filmati tas-CCTV. Imbagħad inħareġ mandat ta’ arrest, li wassal biex Rivera jiġi arrestat fir-residenza tiegħu fis-Swieqi.

Saret ukoll tfittxija fil-post fejn ġew irkuprati t-13-il flixkun tal-inbid misruqa, li kienu għadhom issiġillati. Xi fliexken instabu ppakkjati “lesti biex jintbagħtu barra”, qal l-ispettur.

Mistoqsi mill-qorti x’kien qed iwieġeb, Rivera qagħad jaħsibha għal ftit mumenti. “Ejja ngħidu li jien ħati,” huwa qal, qabel ma ġie ordnat mill-qorti biex jikkonsulta mal-avukat tiegħu qabel ma jikkonferma l-ħtija tiegħu.

Wara li ħalla l-awla mal-avukat tiegħu għal mhux aktar minn ftit sekondi, huwa rritorna u biddel id-deċiżjoni tiegħuminn dik ta’ ħtija għal dikjarazzjoni ta’ mhux ħati. Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti, id-difiża qalet li ma kinitx qed titlob il-ħelsien mill-arrest. Dr. Alexia Vassallo assistiet lill-imputat bħala għajnuna legali.