Jerome Caruana Cilia, PN
Id-deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia, fil-parlament tkellem dwar leġislazzjoni li se twassal għal aktar trasparenza u kontabilità fil-kontenut mitfugħ online, speċjalment fuq pjattaformi importanti bħal Google, ebay, Facebook u oħrajn.
Hu qal li s’issa, sitwazzjoni tista’ tgħid sa ċertu punt free-for-all kienet qed tagħti vantaġġi inġusti lil kumpaniji kbar li jwassal biex il-kompetizzjoni tkun limitata. Jidher li l-Unjoni Ewropea qed tieħu bis-serjetà din ir-realtà, u anke teżiġi li l-pjattaformi ewlenin jippubblikaw rapport dwar l-attivitajiet tagħhom marbuta mat-tneħħija ta’ materjal li appuntu jikser dawn ir-regoli.
“Dan allura se jkun ta’ benefiċċju għall-intrapriżi żgħar u medji li forsi xi kultant jaqtgħu qalbhom milli jiddiġitalizzaw is-servizz tagħhom, bi tħassib li forsi qatt ma jistgħu jikkompetu mal-kumpaniji kbar t’hemm barra.
Issa aktar minn qatt qabel irridu ninkoraġġixxu lill-kumpaniji Maltin u Għawdxin biex jesploraw l-opportunitajiet biex jiddiġitalizzaw l-offerta tagħhom u jibdew joffru l-prodotti u servizzi b’mod elettroniku. Dan qed jitolbuh iċ-ċittadini nfushom” kompla jgħid id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.
Studju tal-Ewrobarometru f’Marzu tas-sena li għaddiet sab li fl-Unjoni Ewropea 74% taċ-ċittadini jemmnu li sa sitt snin oħra, id-disponibbiltà ta’ prodott u servizz fuq l-internet se jkun fundamentali għall-bejgħ u x-xiri tal-istess prodott u servizz.
Din hi l-fruntiera l-ġdida tal-ekonomija għaż-żminijiet tal-lum. U tista’ tkun sors importanti ta’ tkabbir għall-impriżi żgħar Maltin, li permezz t’hekk jaċċessaw suq akbar, mhux biss tal-popolazzjoni lokali li wara l-pandemija drat aktar minn qatt qabel taċċessa bosta prodotti online, iżda wkoll swieq internazzjonali. Tista’ wkoll tkun tfisser inqas spejjeż, fejn wieħed jista’ jkabbar negozju mingħajr ma jkollu bżonn ifittex aktar art jew proprjetà, kif ukoll it-tnaqqis ta’ overhead costs.
“Ħdejn il-bqija tal-Ewropa, in-negozji Maltin u Għawdxin qed jużaw aktar servizzi ta’ cloud computing u analiżi ta’ big data, u anke l-użu ta’ AI, li kelli l-opportunità nitkellem fuqu ftit tal-jiem ilu, għalkemm għadu fil-bidu, sal-2022 kien jiżboq l-medja Ewropea”, qal ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, Jerome Caruana Cilia.
Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal li madankollu, fejn jidħol negozju nistgħu ngħidu li għadna xi ftit lura mhux ħażin, hekk kif il-kummerċ elettroniku jirrappreżenta biss 7% tat-turnover tal-SMEs Maltin u Għawdxin.
Skont dan listess rapport, 26% tal-SMEs ibiegħu online, u huma 13% biss li joffru s-servizzi jew prodotti tagħhom barra minn xtutna. Naturalment, anke fl-era post-Covid jista’ jkun u nittama li dawn in-numri żdiedu iżda anke fid-dawl tal-liġi li għandna quddiema iġegħluna nirriflettu.
Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia, sostna li jekk pajjiżna verament irid jimxi lejn mudell ekonomiku sostenibbli u jekk verament irridu npoġġu s-sid ta’ negozju, in-negozju żgħir u medju fiċ-ċentru tat-tkabbir għas-snin li ġejjin irridu nsibu metodi, anke aggressivi jekk hemm bżonn, biex ninkoraġġixxu dan it-tip ta’ investiment.
Mhux qed ngħid li ma kienx hawn inizjattivi – iżda ħafna drabi jkunu inizjattivi b’budgets żgħar u limitati, kemm bħala ammont u kemm bħala timeframes, u li ma jkollhom ebda follow-up partikolari biex niżguraw li aktar negozji jaqbdu u jkomplu fuq din it-triq.