Lokali

Nhar il-Ħadd li ġej jittella’ l-Festival taċ-Ċitru f’Ħal Lija

Il-Festival taċ-Ċitru f’Ħal Lija ser isir nhar il-Ħadd, 21 ta’ Jannar, fi Pjazza Trasfigurazzjoni u f’parti minn Vjal it-Trasfigurazzjoni f’Ħal Lija. Dan il-festival qed ikun organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija permezz ta’ fondi ffinanzjati mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali mill-iskema għall-Attivitajiet Kulturali Annwali 2023/2024.

Il-qligħ li ser jiġġenera l-kunsill lokali mill-bejgħ tal-larinġ ser jingħata kollu bħala donazzjoni għar-restawr tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Lija. Ser ikun qed jitqassam ukoll frott ieħor bla ħlas lit-tfal li jżuru din l-attività.

Is-Sindku ta’ Ħal Lija Anthony Dalli qal li, “Dan il-festival mhux biss huwa wirja taċ-ċitru imma huwa mezz ta’ edukazzjoni ta’ kif inħarsu l-pjanti u s-siġar li għandna fil-ġonna tagħna.”

Dakinhar, ir-Reġjun Kulturali tal-Lvant ser ikun qed jorganizza wkoll attività bl-isem “Creative Beats and
Rhytms” bejn l-10:30 u nofsinhar bħala parti mill-programm kulturali għal din is-sena.

Id-Dar Gino u Josephine Mangion li hi mibdula f’mużew tradizzjonali tal-antikitajiet fil-qalba ta’ Ħal Lija ser tkun miftuħa wkoll għall-pubbliku tul il-ġurnata kollha. Din id-dar tinsab fi Triq Sir Ugo Mifsud, kantuniera ma’ Triq Giovanni Barbara.

Il-Festival taċ-Ċitru f’Ħal Lija se jittella’ bejn id-9 ta’ filgħodu u l-4 ta’ wara nofsinhar. Fl-10:15 ta’ filgħodu se jsir tberik tal-annimali organizzat mill-Għaqda tal-Festi Esterni.

Għal aktar informazzjoni fuq il-festival żur il-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija.