Lokali

Protesta f’Santa Luċija kontra l-bini ta’ 48 appartament u 78 garaxx fi spazju miftuħ

“Lesti għal ġlieda twila” – ir-residenti ta’ Santa Luċija jfaħħru l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali kontra l-Iżvilupp ta’ Anton Camilleri fi spazju miftuħ.

Grupp ta’ residenti minn Santa Luċija faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali li sejjaħ protesta kontra l-iżvilupp PA/05152/22, applikazzjoni li minħabba fiha se jinbnew 48 appartament u 78 garaxx fi spazju miftuħ tal-lokalità.

Il-protesta se ssir nhar is-Sibt fil-11 ta’ filgħodu fiż-żona magħrufa bħala “l-għalqa taż-żiemel” fi Triq Katerina Vitale.

Il-Kunsill Lokali oġġezzjona b’mod unanimu għal dan l-iżvilupp, li se jirvina żona fejn jinsabu biss binjiet ta’ żewġ sulari jew tlieta.

“Dan l-iżvilupp se jkisser għal dejjem wieħed mill-pulmuni tar-raħal u jirvina l-mod kif jidher. Id-diżinn huwa eċċessiv, enormi, u se jkollu impatt ħażin fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna,” qalu r-residenti. “Il-blokok tal-madwar għandho massimu ta’ 27 appartament bejniethom, iżda Anton Camilleri jrid jibni 48 appartament u 75 garaxx fi blokka waħda. Jidher li l-iżviluppatur u l-perit tiegħu m’għandhomx idea tal-kunċett ta’ proporzjon u armonija, u ebda idea tas-sit u dak li hemm madwaru.

Ir-residenti huma “lesti għal ġlieda twila” u qed jitolbu lill-parruċċani sabiex jappoġġjawhom fl-isforz kontra dan l-iżvilupp mostruż.

“Sentejn ilu saret laqgħa tal-Kunsill Lokali fil-Ġnien tas-Serenità u ġie numru kbir ta’ nies jitkellem kontra l-iżvilupp. Ir-residenti ta’ Santa Luċija wrew l-oppożizzjoni tagħhom għal numru ta’ drabi. L-oġġezzjonijiet kontra l-proġett jaqbżu l-elf, u petizzjoni li dawwarna fost ir-residenti ġabret 1,500 firma.

Hija l-intenzjoni tagħna li nippreżervaw lir-raħal tagħna u l-ispirtu li nbena fih, kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tagħna. Anton Camilleri u Daniel Micallef għandhom interess wieħed biss f’dan ir-raħal, u mhux se noqogħdu b’idna f’idna sakemm jirvinaw lil Santa Luċija u l-komunità tagħha,” qalu r-residenti fi stqarrija.