Elezzjonijiet 2024 Internazzjonali Lokali

Sentejn mill-ħatra ta’ Roberta Metsola fil-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew

Sentejn ilu l-MEP Maltija Robert Metsola kienet eletta fil-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew – waħda mill-iktar karigi għolja fl-Ewropa.

F’għeluq is-sentejn mill-ħatra tagħha, Roberta Metsola kienet il-mistiedna speċjali fil-programm Net Live preżentat minn Robert Cremona…fejn tkellmet fost l-oħrajn dwar l-isfidi li affacjat fl-aħħar xhur.

U hekk kif din is-sena pajjiżna se jkun qed ifakkar l-20 anniversarju minn meta ssieħeb fl-Unjoni Ewropea… il-Presidenza ta’ Roberta Metsola tista’ titqies bħala l-aqwa ċertifikat li aħna l-Maltin, minkejja li aħna żgħar, kapaċi naslu.

Proprju fit-18 ta’ Jannar tal-2022, Roberta Metsola, fid-diskors tagħha kienet sellmet il-memorja ta’ Paulina Dembska li kienet għadha kemm inqatlet ftit tal-jiem qabel f’Tas-Sliema – delitti li bħalhom kellna aktar f’dawn ix-xhur li għaddew.

Ma naqasx li l-MEP Maltija titkellem dwar kemm huwa importanti li kulħadd jivvota fl-elezzjonijiet li se jsiru f’Ġunju li ġej… kemm dawk tal-Kunsilli Lokali kif ukoll dawk sabiex jiġu eletti r-rappreżentanti ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.