Żagħżugħ ta’ 24 sena li għandu problemi mentali ammetta quddiem il-Maġistrat Viuctor Axiak li nhar l-Erbgħa wara nofs inhar sawwat lil ommu u kkaġunalha ġrieħi ħfief skont kif iċċertifkati mit-tobba ta’ l-isptar Mater Dei.
Il-każ seħħ fir-residenza tal-ġenituri tiegħu fejn huwa jgħix bil-Qorti tordna biex ma jiġux ippubblikati la isem il-ġuvni u lanqas isem l-omm u dettalji oħra li jistgħu jwasslu għal min wettaq ir-reat u min kienet il-vittma. Waqt is-smigħ tal-każ missier il-ħati kien preżenti fl-awla.
L-Avukat Jason Azzopardi qal li dan huwa kaz ta aggressjoni u li fi stqarrija li ta lill-Pulizija l-akkużat ikonferma dak li ġara. L-Avukat difensur tenna li l-klijent tiegħu għandu problemi ta’ saħħa mentali u jinsab taħt kura psikjatrika.
Tenna li huwa jieħu mediċini differenti b’rabta mas-saħħa mentali tiegħu u mill-ewwel wera sens ta’ dispjacir ta’ dak li gara. Fil-fatt meta ġie muri r-ritratti ta’ dak kollu li għamel ħassu ferm ħażin u lanqas ried jemmen li wasal sa dan il-punt.
L-Avukat Azzopardi qal lill-Qorti li dan huwa każ li rridu nħarsu lejn bħala ‘long term’ u mhux ‘short term.’ U wara din l-ammissjoni rridu nħarsu ‘l quddiem u fost it-talbiet tad-difiża hemm talba biex il-Qorti tordna li ma jixxandar ebda isem marbut ma’ dan il-każ, anke fid-dawl tal-fatt li l-lokalità fejn joqgħod il-ġuvni hi waħda żgħira.
Saret talba wkoll għal ordni ta’ trattament fil-konfront tal-ħati, bl-Avukat jgħid ukoll li ma kinitx se ssir talba għall-ħelsien mill-arrest sakemm tingħata s-sentenza. “M’inix qed nippretendi li l-Qorti tagħti s-sentenza llum, imma jekk dejjem jekk hu possibbli tingħata l-ġimgħa d-dieħla. Hemm ftehim bejni u l-Ispettur Omar Zammit biex il-ġuvni jingħata probation.
“Napprezza wkoll li sakemm tingħata s-sentenza ssir talba biex id-Direttur tal-Ħabs biex il-klijent tiegħi jinżamm fit-taqsima forensika tal-ħabs.,” qal l-Avukat Azzopardi. Minn naħa tiegħu l-Ispettur Zammit qabel ma’ dak li qal l-Avukat difensur u kkonferma wkoll li ż-żagħżugħ ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija.
Tenna wkoll li l-ħati rrikonoxxa l-iżball tiegħu fil-konfront ta’ ommu. Meta mistoqsi mill-Qorti fejn jaħdem l-Avukat Azzopardi f’isem il-klijent tiegħu wieġeb li kien jaħdem ma’ missieru ftit ilu, imma bħalissa ma jaħdimx. Huwa ġie mixli wkoll li sar reċidiv fuq każ ta’ serq aggravat fejn kien ingħata l-libertà kundizzjonata. Il-Qorti qalet li kienet se tħalli s-sentenza għal nhar it-Tlieta fit-8.30am.


