Lokali Parlament

Żieda kbira ta’ persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba l-kannabis

Ritratt: Martin Agius


Stephen Spiteri, PN


Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali qal li fl-2023 kien hemm żieda kbira ta’ persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba l-kannabis.


Meta kien qed jitkellem fl-Aġġornament tal-parlament Stephen Spiteri qal li l-politika soċjali hi ta’ importanza kbira biex is-soċjetà tkun b’saħħitha. Dan irid jintwera billi fil-parlament jitfasslu liġijiet li jirriflettu dak li l-poplu jixtieq u li jħarsu lil dawk l-aktar fil-bżonn. Dan filwaqt li ma ssirx diskirminazzjoni bejn il-vulnerabbli u l-komdi. Għandha titfassal politika soċjali li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja fil-familija u fis-soċjetà.


Hu tkellem dwar il-white paper dwar id-droga u qal li l-PN diġà espriema l-pożizzjoni tiegħu dwarha. Hu qal li kien hemm problemi ikbar minħabba l-użu tal-kannabis fejn jirriżulta li fl-isptar kien hemm ħafna iktar ammissjonijiet marbuta direttament mal-kannabis. Jirriżulta li fl-2020 kien hemm 93 amissjoni waqt li fl-2023 kien hemm 250 każ taż ammissjoni fl-isptar relatat mad-droga.


Stephen Spiteri sostna li anki f’Monte Carmeli kien hemm żieda fil-każi relatati mal-abbuż tad-droga. Għalhekk il-liġijiet m’għandhomx jagħmlu iktar ħsara fis-soċjetà iżda li jagħmlu l-ġid. Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-liġi tal-kannabis għal skop ta’ rikreazzjoni u qal li din wasslet għal abbużi fejn ir-regoli mhux jinżammu waqt li hemm nuqqas ta’ responabbiltà.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-liġi għandha titfassal b’mod li tħares ill-vittmi tad-droga bla ma tagħti lok għall-abbuż. Il-PN irid iħares lill-vittmi għaliex dawn ikunu nies vulnerabbli u jkollhom ħajjithom f’sitwazzjoni li kważi tkun spiċċat.