Sport Waterpolo

Il-final four taċ-Champions League se ssir f’Malta

European Aquatics għażlet lil Malta bħala l-post tat-tournament Final Four tal-LEN Champions League għat-tliet snin li ġejjin wara li ntlaħaq ftehim mal-ASA.


Fi stqarrija l-LEN – European Aquatics qalet li hija kuntenta l-kompetizzjoni tal-Water Polo Champions League Final Four tal-irġiel fl-2024, 2025, u 2026 se ssir f’pajjiżna wara li l-offerta mill-ASA issodisfat ir-rekwiżiti ewlenin kollha tal-LEN.

Ikkontestata mill-aqwa timijiet minn madwar l-Ewropa, iċ-Champions League, li bdiet fl-1963 bħala t-Tazza tal-Ewropa, hija l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża ta’ klabbs professjonali tal-waterpolo tal-kontinent.

Waqt il-Kampjonati tal-Ewropa f’Zagreb, intlaħaq ftehim mal-ogħla uffiċjali mill-European Aquatics fejn Malta issa se tospita ċ-Champions tal-LEN League Final Four tournament għat-tliet snin li ġejjin.

Karl Izzo President tal-ASA ikkummenta li tingħata l-organizzazzjoni tat-tournament tal-klabbs l-aktar popolari fl-Ewropa hija kisba kbira għall-ASA li issa se tkun qed tospita t-tielet kompetizzjoni ewlenija fl-2024 flimkien mat-Tazza tad-Dinja tal-waterpolo Taħt is-16 il-sena tal-World Aquatics kif ukoll it-tournament Ewropew tal-Juniors Artistic Swimming.

Il-president tal-LEN Antonio Silva ikkummenta li l-ASA ta’ Malta għandha tradizzjoni b’saħħitha fil-waterpolo, u huwa kunfidenti fil-kapaċitajiet tagħhom li jorganizzaw avveniment ta’ livell għoli tal-European Aquatics.

It-tournament Final Four tal-LEN Champions League f’Malta se jintlagħab bejn is-6 u t-8 ta’ Ġunju fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.