Il-Gvern ta’ Robert Abela appunta fit-tmexxija tal-linja nazzjonali tal-ajru li se tibda topera fil-31 ta’ Marzu, liċ-Chairperson attwali tal-AirMalta, David Curmi, li falla fit-tmexxija tal-AirMalta, tant li dan il-falliment wassal għall-għeluq tagħha.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco.
Wieħed jistaqsi kif David Curmi, li minkejja salarju ta’ €258,000 fis-sena falla f’kull mira li ngħatalu biex isalva l-AirMalta, se jilħaq il-miri mogħtija lilu fil-linja nazzjonali l-ġdida.
Wieħed jistaqsi wkoll għaliex il-Gvern reġa’ appunta biex jassistuh fit-tranżizzjoni għal-linja tal-ajru l-ġdida lill-konsulenti barranin Knighthood Global Ltd, bi ħlas ta’ €200,000 fix-xahar, meta dawn fallew fil-konsulenza tagħhom lill-Gvern biex tkun salvata l-AirMalta.
Is-suċċess tal-linja tal-ajru l-ġdida jiddependi fuq nifs ġdid, b’idejat u strateġija ġdida. L-appuntament ta’ nies u konsultenti li fallew bl-aktar moq assolut fit-tmexxija tal-AirMalta, tant li taħt it-tmexxija u konsulenza tagħhom, l-AirMalta falliet u se jkollha tingħalaq, ma jawgura xejn għas-suċċess tal-linja tal-ajru l-ġdida.
Il-linja tal-ajru nazzjonali l-ġdida timmerita aktar minn logħba ta’ “musical chairs” bejn nies u konsulenti li se jibqgħu mniżżla fl-istorja ta’ pajjiżna bħala dawk li wasslu għall-għeluq tal-linja nazzjonali preċedenti, l-AirMalta.
//= $special ?>