Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Tipprova l-armi nukleari għal taħt il-baħar

 

Il-Korea ta’ Fuq komunista qalet li wettqet provi għal sistema ta’ armamenti nukleari li jistgħu jkunu attivati taħt il-baħar. Il-kelliema fi Pyongyang, intant, insistew li l-provi huma ‘tweġiba’ għall-aħħar eżerċizzji militari organizzati mill-qawwiet tal-Istati Uniti, il-Korea t’Isfel u l-Ġappun.

L-istampa tal-Korea ta’ Fuq qalet li saru l-provi speċifiċi għal inġenju magħruf bħala ‘underwater drone’ u li kapaċi jġorr arma nukleari. Sadanittant ma kienx hemm provi ‘irrifjutabbli’ dwar l-eżerċizzju, bil-Korea t’Isfel qed tindika li r-rapporti tal-komunisti dwar il-kapaċità tal-armamenti tagħhom jistgħu huma eżaġerati.

Madankollu,  il-Korea t’Isfel fissret il-provi tal-ġar bħala provokazzjoni fi żmien ta’ tensjoni kbira fil-penisola Koreana.

Il-Ministeru tad-Difiża f’Seoul insista li l-Korea komunista, bl-aġir tagħha, qed thedded il-paċi mhux biss fil-penisola komuni iżda anki madwar id-dinja. Dan meta l-Korea t’Isfel tinsab lesta biex, jekk hemm bżonn, tagħti risposta ‘storika’ lill-Korea komunista u ‘fuq livell terminali’.

Il-Korea ta’ Fuq, fl-aħħar ġimgħat, irrankat l-azzjonijiet militari, fost l-introduzzjoni ta’ missila ballistika ġdida għal fuq id-distanzi medji u fit-tul. Dan ukoll wara li l-qawwiet ta’ Pyongyang, fl-ewwel ġimgħa tax-xahar,  wettqu l-isparaturi, bħala parti minn eżerċizzju, mal-fruntiera marittima tal-Korea t’Isfel.