Internazzjonali

Ir-Russja: Aktar attakki mill-Ukreni fuq il-faċilitajiet taż-żejt

Għalkemm il-gwerra tal-art fl-Ukrajna għaddejja minn żmien ta’ staġnar, l-Ukreni qegħdin iżidu l-attakki bid-drones fuq il-faċilitajiet tar-Russja man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

U fl-aħħar attakk, drone sparat mill-Ukrajna laqat depot għall-ħażna taż-żejt fin-Nofsinar tar-Russja u fejn irriżultaw diversi nirien.

Il-media tar-Russja, fl-aħħar sigħat, qalet li erba’ tankijiet tal-fuel ħadu n-nar u bil-fjammi jinfirxu fuq zona ta’ aktar minn 1,000 metru kwadru.

Id-depot jinsab fir-reġjun ta’ Bryansk u fejn il-Gvernatur qal li ma weġġa ħadd fl-attakk. Ingħad ukoll li d-drone kien interċettat qrib il-belt ta’ Klintsy – u bir-riżultat li l-isplussivi tiegħu niżlu direttament għal fuq id-depot taż-żejt.

L-attakk bid-drone kien it-tieni wieħed f’jumejn fuq il-faċilitajiet taż-żejt fir-Russja.

Dan wara li, nhar il-Ħamis, seħħ attakk bla preċedent bi drone immirat għal terminal ewlieni għall-ħatt taż-żejt fil-belt ta’ San Pietruburgu,

Filwaqt li r-Russi qalu li d-drone  (fl-attakk tal-Ħamis) twaqqa’ mingħajr ma kaġuna l-ħsarat, l-indikazzjonijiet huma li dawn l-attakki, ‘il bogħod sew mill-fruntiera Ukrena, qegħdin juru fażi ġdida ‘u interessanti’ tal-istrateġija militari tal-Ukrajna. Dan ukoll meta l-gwerra tal-Ukreni mar-Russi tagħlaq sentejn proprju x-xahar id-dieħel.