l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Toni Abela ordnat kumpanija li tmexxi lukanda biex tagħti kumpens ta’ €4,177 lil fattiga li weġġgħet waqt it-tindif u ma osservatx il-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-kumpanija nstabet ħatja li kellha 80% tat-tort tal-inċident.
Il-mara sofriet minn ġrieħi meta nqatgħulha n-nervituri waqt it-tindif. Il-vittma, Yordanka Yourdavona bdiet proċeduri kontra l-kumpanija BV Formosa Company Limited b’rabta mal-inċident li kien seħħ fit-12 ta’ Ġunju 2016 fil-lukanda Bella Vista fil-Qawra.
Il-mara żammet lill-kumpanija responsabbli għad-dannu li sofriet. Minn naħa tagħha l-kumpanija qalet li l-mara kienet vaga dwar kif seta’ seħħ l-inċident li qalet li kellha. Il-Qorti qalet li tul il-kawża ma ħariġx b’mod ċar għall-aħħar kif seħħ l-inċident.
Madankollu l-Imħallef tenna li kien ippruvat li hi kienet impjegata tal-kumpanija u saħaq li l-liġi tgħid li l-imgħallem irid jiżgura li jipprovdi lill-ħaddiema tiegħu b’ambjent li jżomm ‘il bogħod kull periklu. Sostna wkoll li bħala fatti ġie stabbilit li l-impjegata veru weġġgħet fuq il-post tax-xogħol u li kellha tmur fiċ-ċentru tas-saħħa biex tagħmel il-punti.
Ġie nnutat ukoll li kien hemm tliet verżjonijiet dwar l-inċident: dak li weġġgħet waqt li qed tagħmel is-sodda, oħra waqt li kienet qed tnaddaf it-tieqa u t-tielet li t-tieqa nstabtet bir-riħ. Minn dak li sema’ u l-provi li ħarġu, l-Imħallef qal li l-ferita tidher li hi kompatibbli ma’ qatgħa bi ħġieġa u ma tidhirx li kienet ‘self-inflicted’.
L-Imħallef qal ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba li seħħ inċident fl-imsemmi post tax-xogħol b’ħaddiem jixhed li kemm-il darba wassal impjegati oħra l-poliklinika tal-Mosta għax weġġgħu. L-Imħallef Abela tenna li dan kollu jikkonferma li ma kienx hemm sigurtà fix-xogħol, u żamm lill-kumpanija responsabbli.
Meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens l-Imħallef Abela qies li għalkemm l-impjegata qalet li ma setgħetx taffordja li tħallas għall-operazzjoni, l-fatt li ġejja mill-Bulgarija, stat membru tal-Unjoni Ewropea, hi ntitolata għal kura b’xejn fl-isptar Malti.
Finalment l-Imħallef Abela kkonkluda li hi kkontribiet għal 20% tal-ħsara fiżika li sofriet u ta 80% kien tort lill-kumpanija fejn ordna li tħallas lill-impjegata kumpens ta’ €4,177.
//= $special ?>

