Lokali Qorti

Mixli li bagħat messaġġi ta’ theddid fil-konfront tas-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 30 sena mill-Mosta mixli li bagħat messaġġi ta’ theddid fil-konfront tas-sieħba tiegħu fuq il-mobile, li segwiha u ta fastidju nżamm arrestat fejn minn dak li ħareġ fil-Qorti minn naħa tad-difiża dan l-aġir kien isir minħabba li l-akkużat Justin Chetcuti lmenta li ma kienx qed ikollu l-aċċess għat-tifel tagħhom li għandu sena u tmien xhur.

Il-Qorti preseduta milil-Maġistrat Gabriella Vella staqsiet jekk hux ġustifikabbli li wieħed juża t-theddid. L-Ispettur Omar Zammit li ressaq lil Chetcuti qal li nhar it-18 ta’ Jannar fis-1am hu kien infurmat li l-vittma għamlet rapport mal-Pulizija dwar każ ta’ vjolenza domestika fil-konfront tagħha.

l-omm qalet li din kienet ir-raba’ darba li kienet mhedda mis-sieħeb tagħha fi żmien 15-il ġurnata u t-tielet darba f’perjodu ta’ jumejn.  Il-prosekutur qal li meta bagħtu għal Chetucti dan qalilhom li ma setax imur għax kien muġugħ b’dahru. Tenna li fil-frattemp l-akkużat ikkuntattja l-Għassa tal-Mosta biex jara fejn hi s-sieħba tiegħu u wara kompla t-theddid.

Ir-raġel ġie akkużat ukoll li fera ħafif lill-vittma u li hu reċidiv. Saret talba mid-difiża biex isem l-akkużat ma jixxandarx, liema talba kienet opponuta mill-prosekuzzjoni. Il-Qorti qalet li kienet qed tordna divjet biss fil-konfront tal-allegata vittma. Saret talba wkoll għall-pleġġ bid-difiża tgħid li l-imputat qatt ma kellu problemi mal-Pulizija, u li għadu preżunt innoċenti.

Id-difiża qalet ukoll li każijiet simili bħal dawn il-persuni ma jitressqux b’arrest imma b’ċitazzjoni, xi ħaġa li l-Qorti ma qablitx magħha, u tenniet li prattikament kuljum jitressqu persuni fuq każijiet simili ta’ vjolenza domestika.

Sadanittant it-talba għall-ħelsien mill-arrest sabet oppożizzjoni qawwija mill-Ispettur Omar Zammit li qal li għad trid tixhed l-allegata vittma u li l-akkużat mhux affiddabbli għall-fatt ukoll li qatt ma resaq lejn il-Pulizija meta dawn bagħtu għalih, bl-iskuża li muġugħ. Il-Qorti ċaħdet it-talba fejn qalet li hu prematur għalissa li huwa jingħata l-ħelsien mill-arrest. Għal Chetcuti deher l-Avukat Edmond Cuschieri.