Inawgurat bank aħmar f’Tas-Sliema – bank aħmar li huwa parti mill-inizjattiva ‘posto occupato’ sabiex jitfakkru l-vittmi kollha ta’ femiċidju madwar l-Italja, u issa anke f’Malta.
Il-bank li jinsab biswit il-post fejn inqatlet Paulina Dembska lura fl-2022 ġie inawgurat il-Ġimgħa filgħodu mill-President tal-Parlament Ewropew u MEP Nazzjonalista, Roberta Metsola. Dan bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar il-vjolenza kontra n-nisa; li hija pjaga f’pajjiżna hekk kif f’dawn l-aħħar snin rajna qtil ta’ numru ta’ nisa.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kienu hemm Daria Dembska, oħt Paulina Dembsa kif ukoll is-Sindku Nazzjonalista ta’ Tas-Sliema, John Pillow.
F’kumment li tat lil Net News, il-President tal-Parlament Ewropew spjegat li dan il-bank huwa tifkira tal-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.
Roberta Metsola saħqet ukoll illi hija responsabbiltà tal-politiċi u kull min jagħmel il-liġijiet sabiex in-nisa jkunu protetti fis-soċjetà, b’mod speċjali f’pajjiżna fejn rajna sitwazzjonijiet li setgħu ġew evitati kieku l-awtoritajiet għamlu aktar.
Posto Occupato, hija inizjattiva li oriġinarjament bdiet fl-Italja, fejn bankijiet u siġġijiet jinżebgħu ħomor bil-għan li jiżdied l-għarfien kontra l-vjolenza fuq in-nisa –inizzjattiva li issa ġiet estiża f’pajjiżna minn oħt Paulina Dembska. Li tkellmet ma’ NetNews u spjegat illi ġimgħa biss qabel il-qtil ta’ oħtha Paulina, kienu raw bank b’dan il-lewn aħmar – u din l-inizjattiva laqtithom.
Paulina Dembska kienet vittma ta’ qtil brutali li seħħ lura fl-ewwel ġurnata tas-sena tal-2022, fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema.
//= $special ?>