L-istudenti ħaqqhom aħjar, l-għalliema għandhom wisq pressjoni, ilna wisq bla marki … ma nafux x’ser jiġri…..Il-Gvern mhux joħodna bis-serjetà.
Dawn kienu uħud mill-messaġġi li numru ta’ studenti li jattendu l-MCAST ta’ Raħal Ġdid wasslu waqt protesta li organizzaw, hekk kif sal-lum għadu ma ntlaħaqx ftehim bejn il-Gvern u l-MUT. Ftehim li ilu li skada sentejnu – u għalhekk kellhom jidħlu fis-seħħ numru ta’ direttivi.
Dawn id-direttivi jinkludu li l-għalliema ma jagħtux marki lill-istudenti u kaġun ta’ dan bosta studenti li ilhom ma jirċievu l-marki min-Novembru jinsabu fil-għama – kemm dawk li jixtiequ li jkomplu l-istudju tagħhom għal sena oħra, u anke dawk li ser ikunu qed ipoġġu għal resit. Apparti li hemm incertezza anke fost l-istudenti li bħalissa għaddejin bit-tezi tagħhom.
Din il-protesta saret ukoll biex l-istudenti juru l-appoġġ tagħhom lejn il-letturi tagħhom li bħalissa qed jaffaċjaw pressjoni kbira.
Rappreżentant f’isem l-istudenti spjegalna li n-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Gvern u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni huma evidenti ferm….. hu saħaq ukoll li jekk mhux ser jintlaħaq ftehim l-istudenti ser ikomplu joħorġu mill-klassi u jiprotestaw sakemm dawn jingħataw dak li hu bid-dritt tagħhom.
Għal din il-protesta attenda wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li tkellem ma’ numru ta’ studenti li kienu preżenti. Bernard Grech kien ukoll akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonanalista Micheal Piccinino, kif ukoll mix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali Ivan Castillo u mix-Shadow Minister għaż-Żagħżagħ Bernice Bonello.
Intant, fl-MCAST tal-Mosta, numru ta’ studenti ħarġu wkoll mill-klassijiet sabiex juru l-appoġġ tagħhom lejn il-letturi.
//= $special ?>