Lokali

RIFORMA DROGA: Il-Caritas ma taqbilx mal-ammonti proposti mill-Gvern

500 gramma kannabis. 200 gramma kokaina. 200 gramma eroina. 500 pillola ecstasy .

Dawn huma ż-żidiet fl-ammonti li permezz ta’ white paper il-Gvern qiegħed iressaq għall-konsultazzjoni…ammonti ta’ pussess u traffikar ta’ droga, fejn il-Gvern qed jgħid li la darba jinstabu dawn l-ammonti fuq persuni…tkun il-Qorti nnfsiha li tiġġudika hux każ li għandu jidher quddiem Qorti Kriminali jew dik ta’ Droga.

Dan ifisser li l-Qorti trid tara jekk it-traffikant hux baruni ta’ droga…jew traffikant biex jiffinanzja l-vizzju.

Net News tkellem ma’ Anthony Gatt, id-Direttur tal-Caritas fejn sostna li qabel ma tnediet din il-White Paper huma fl-ebda mument ma kienu ġew ikkonsultati – madanakollu saħaq li fl-aħħar jiem ġew mitluba pariri mill-Gvern.

Fl-istess waqt….huwa saħaq, ċar u tond li l-Caritas ma taqbilx mal-ammonti proposti.

Il-Ġimgħa filgħodu Net News staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela dwar din is-sitwazzjoni – partikolarment kif ġew mfassla dawn l-ammonti ta’ droga deskritti bħala esaġerati anke f’min jaħdem fil-qasam. B’Abela jisħaq li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.

Intant mistoqsi minn Net News kif se jkunu differenzjati t-traffikanti bejn każi hekk imsejħa minn Abela ġenwini u dawk le…. huwa farfarha fuq il-Qrati.

Net News insista sabiex il-Prim Ministru jgħid kif ħareġ b’dawn l-ammonti…b’Abela jammetti li kien kumitat maħtur mill-Gvern stess.

Kumitat li ma kkonsultax mal-esperti fis-settur illi jaraw għexieren ta’ nies fil-ġimgħa…bil-Gvern ta’ Abela kapaċi jħabbat wiċċu ma’ u-turn oħra wara li l-proposta mressqa minnu bl-aktar mod ċar ma ntlaqet xejn tajjeb mis-soċjetà.