Fil-Knisja tal-Madonna ta’ Fatima fil-Pietà, il-Ħamis filgħodu ingħatat l-aħħar tislima lil Tony Formosa, eks kowċ tat-tim nazzjonali Malti u amministratur tal-isport.
Huwa miet nhar is-Sibt 13 ta’ Jannar fl-eta’ ta’ 86 sena.
Kienu bosta l-eks plejers, kowċis u ġurnalisti tal-isport li attendew għall-funeral tiegħu fejn fl-omelija Fr. Hilary Tagliaferro fakkar il valuri ta’ Tony Formosa kemm fil-qasam tal-isport u wisq aktar fis-settur tal-ġurnaliżmu tal-isport.
Tony Formosa twieled ir-Rabat, Għawdex fit-2 ta’ Ġunju 1937.
Studja fil-Liceo u wara fis-St.Michael’s Training College fejn laħaq bħala għalliem. Kiseb diploma fl-Edukazzjoni Fiżika minn Carnagie College ta’ Leeds. Segwa kors fil-coaching fi Newcastle Upon Tyne fejn kiseb il-badge tal-FA Ingliża.
Wara karriera bħala plejer mexxa lil Valletta fis-snin 70 bir-rebħ tal-Kampjonat fl-1974 wara nuqqas ta’ bosta snin. Ma’ Floriana wettaq record ta’ 40 partita bla telfa. Huwa mexxa wkoll għal bosta snin lil Sliema Wanderers.
Eks kowċ tat-tim Nazzjonali Malti fl-1966 u fl-1971-72 fejn kien l-ewwel kowċ fl-ewwel partita ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja kontra Ungerija. Fl-1967 kien l-ewwel kowċ f’partita kompetittiva tat-tim ta’ Taħt it-18-il sena kontra l-Italja.
Membru fundatur tal-Malta Football Coaches Association u President għal bosta snin. Fl-1987 inħatar bħala Kap tal-Isport fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Kultura. Membru fil-Kumitat għall-Iżvilupp tal-isport fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u viċi President tal-Federazzjoni Internazzjonali Sport for All.
Huwa kien ukoll eks membru tal-Għaqda Kittieba Sport fejn bħala ġurnalist minn ma’ The Bulletin ingħaqad ma’ In-Nazzjon Tagħna bejn l-1970 u l-1981 fejn kien jiffirma bħala Tony F. Borg
