Hamza Mohamud Ibrahim, Somalu ta’ 29 sena ġie kundannat tliet snin u nofs ħabs u multa ta’ €4,500 wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li fl-4 ta’ Jannar li għadda għall-ħabta tad-9.30pm fi Triq Diċembru 13, ħataf raġel minn spalltu, attakkah u seraqlu l-mobile. Fl-aggressjoni, l-vittma weġġa’ ħafif.
Ibrahim ammetta li Ikkommetta serq ta’ mobile phone tal-għamla Samsung A34 u li kkaġuna lill-vittma ġrieħi ħfief, li ħebb għall-żewġ kuntistabbli, li wettaq ħsara fuq arloġġ ta’ wieħed mill-kuntistabbli, li kien fil-pusses tad-droga u li għex ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ.
Il-prosekuzzjoni qalet li mumenti wara li seħħ ir-reat, il-vittma li nsteraqlu l-mobile mar jagħmel rapport l-Għassa tal-Marsa. Malli r-raġel ħareġ mill-Għassa, huwa ra lis-suspettat u reġa’ daħal l-għassa biex javża lill-Pulizija.
Ibrahim ġie arrestat minn żewġ Pulizija bil-prosekuzzjoni tgħid li l-akkużat irreżista l-arrest u matulu għamel ħsara fl-arloġġ t’uffiċjal minnhom u lill-Pulizija l-ieħor weġġgħu f’id minnhom. L-uffiċjal prosekutur, l-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, qalet ukoll li Ibrahim saritlu tfittxija u fuqu nstabu ħames pakketti bid-droga sintetika.
Ibrahim kien wieġeb mhux ħati meta tressaq il-Qorti fejn kien tenna li ma jifakar xejn dwar dak li kien ġara – iżda fl-ewwel dehra waqt il-kumpilazzjoni ammetta għall-akkużi kollha miġjubin kontrih, inkluż ir-reċediva. Min-naħa l-oħra, iddikjara li għandu l-vizzju tad-droga.
Fuq l-ammissjoni volontarja, il-Qorti qalet li m’ghandhiex triq ohra ħlief li ssib lill-imputat ħati tal-akkużi kollha migjubin fil-konfront tiegħu. Għall-finijiet tal-piena, il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi, fosthom il-gravità tar-reati kommessi mill-imputat li minnhom innifishom jittrawmatiżżaw il-vittmi kif ukoll jiddisturbaw is-serħan tal-moħħ u s-sens ta’ sigurtà li huwa intitolat għalih kull min ikun għaddej għall-affarijiet tiegħu f’post pubbliku.
Il-Qorti qalet li tiddeplora wkoll l-imġieba mill-iktar aggressiva u vjolenti mill-imputat fil-konfront tal-vittma tas-serqa kif ukoll fil-konfront tal-uffiċjali tal-Pulizija li intervjenew biex jarrestawh. Aġir bħal dan huwa kundannabbli bl-iktar mod iebes għaliex jirriżulta wkoll li seta’ ġie motivat minn xejn ħlief il-vizzju tal-abbuż ta’ sustanzi illeċiti, li hija ħaġa ta’ stmerrija, kompliet tgħid il-Qorti.
“Hu immaterjali, anzi hu ferm iktar inkwetanti, li l-kommissjoni ta’ dawn ir-reati setgħet ġiet xprunata minħabba konsum ta’ sustanzi illeċiti u dan ma jista’ jkun ta’ ebda fejda għall-imputat,” qalet ukoll il-Qorti.
Għalhekk ordnat li l-imputat b’żieda mal-piena għandu jingħata trattament mandatorju biex jindirizza d-dipendenza evidenti tiegħu fuq droga inkluż id-droga sintetika. In vista tal-fatt illi s-serq huwa akkumpanjat mill-kwalifika ta’ vjolenza kif ukoll minn kwalifiki oħrajn, u b’riżultat tat-twettiq tar-reat il-vittma sofriet offiżi ta’ natura ħafifa, l-inqas piena għall-ewwel żewġ reati hi priġunerija għal tliet snin.
Il-Qorti wara li rat iċ-ċertifikati mediċi tal-vittmi li weġġgħu b’effett tal-aġir vjolenti tal-imputat, ma tqisx li tista’ tikklassifika l-offiża li sofra l-vittma tas-serq tal-mobile bħala waħda ta’ effett ta’ importanza żgħira għax ukoll tagħat importanza għal dak li sofra l-vittma moralment.
Dwar in-natura tal-offiża li sofra kuntistabbli tal-Pulizija għandha tingħata l-piena għar-reat l-iktar gravi fejn l-inqas piena hija dik ta’ sitt xhur priġunerija u multa ta’ mhux inqas minn €4,000 multa. L-imputat ammetta l-ħtija tiegħu wkoll għall-ħames akkużi.
Il-Qorti qalet li qieset l-ammissjoni bikrija tal-imputat u l-fatt illi jidher li huwa kkopera mal-Pulizija waqt l-interrogazzjoni, iżda ma tistax ma tikkunsidrax il-fedina penali refrattarja tiegħu u l-ammissjoni tiegħu għall-addebitu tar-reċidiva.
Għal dawn il-motivi ssibu ħati tar-reati kollha u tikkundannah tliet snin u nofs priġunerija effettiva u multa ta’ €4,500). B’żieda mal-piena, l-Qorti ordnat il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trattament fil-konfront tal-ħati, sabiex jindirizza u jegħleb il-vizzju tad-droga inkluż droga sintetika, liema Ordni għandha tibqa’ fis-seħħ għal żmien tliet snin.
Il-Qorti ordnat ukoll lill-ħati sabiex iħallas lil wieħed mill-Pulizija is-somma €300 fuq id-danni sofferti b’riżultat tar-reati li qed jinstab ħati dwarhom tiegħu, u dan fi żmien tliet xhur. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-ħati għall-protezzjoni tas-sigurtà fil-konfront taż żewġ kuntistabbli għal żmien tliet snin li jibdew jiddekorru hekk kif tiġi skontata l-piena ta’ priġuinerija
Il-prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Shelby Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat dehret l-Avukat Martina Herrera.
//= $special ?>

