Il-belt ta ‘ Damasku spiċċat f’ħerba totali hekk kif attakk mill-Iżraeljani ħalla numru ta’ persuni mejta b’rapporti qegħdin jgħidu li nstemgħu numru ta’ splużjonijiet.
F’dan l-attakk binja li kienet tintuża mill-Iranjani li jaħdmu mal-Gvern Sirjan spiċċat biss tifrik. L-attakk sar f’żona fejn jgħixu diversi diplomatiċi inkluż l-ambaxxati tal-Libanu u l-Iran.
Numru ta’ rapporti internazzjonali ddeskrivew dan l-attakk bħala wieħed qattiel hekk kif l-Iżrael attakkat numru ta’ bini fl-istess ħin.
Il-paramilitari Iranjana ikkonfermat li inqatlu 4 rappreżentanti wara li nstemgħu ħames splużjonijiet għall-ħabta tal-10 ta’ filgħodu. Aktar tard l-media Iranjana kkonfermat li s’issa inqatlu 5 persuni mill-Gwardjani Rivoluzzjonarji.
Nies li kienu viċin iż-żona tal-attakk qalu li ħassew il-bini jitheżżeż filwaqt li x’ħin ħarġu barra raw daħna kbira.
L-Iran ikkundannat dan l-attakk u sejħitlu bħala mossa ddisprata li kienet immirata biex toħloq instabbiltà kbira fir-reġjun. Dan apparti li appellaw lil pajjżi oħra sabiex jikkundannaw dan l-attakk.
Fi żviluppi oħra l-Istati Uniti wettqet attakk fuq bażi tal-ajru militari fl-Iraq. Rapporti internazzjonali qegħdin jgħidu li l-Istati Uniti attakka b’numru ta’ rockets. Iżda s’issa ma kien hemm l-ebda rapporti ta’ mewt dan filwaqt li uħud mill-persuni weġġgħu serjament.
Intant, il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza li huwa mmexxi mill-Hamas qal li fl-aħħar 24 siegħa inqatlu tal-anqas 165 Palestinjan filwaqt li 280 persuna ġarrbu l-ġrieħi. U allura dan ifisser li mis-7 ta’ Ottubru l’hawn inqatlu kważi 25,000 Palestinjan b’aktar minn 62,000 ġarrbu l-ġrieħi.
//= $special ?>