Lokali

“Dawn l-ammonti ġodda ta’ droga huma ta’ periklu għas-soċjetà” – Clinton Camilleri

Id-deċiżjoni tal-Gvern li jagħmel riforma fil-Qorti tad-Droga, qajmet tħassib fost bosta tobba u esperti u anke fost il-pubbliku inġenerali dwar kif dan it-tibdli se jinċentiva li jsir iktar traffikar ta’ droga.

Dan hekk kif din ir-riforma se twassal biex il-Qorti tkun aktar ħanina ma’ min jinqabad b’500 pillola ecstasy, 200 gramma eroina, 200 gramma kokaina jew nofs kilogramma kannabis.

Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni li ssir din ir-riforma, Clinton Camilleri, li fil-passat hu stess kien jagħmel użu mid-droga, ħass li kellu jippubblika filmat fuq il-media soċjali sabiex juri kemm huwa perikoluż li issa żdied il-limitu ta’ kemm persuna tista’ tagħmel użu minnn sustanzi li jintużaw għall-użu personali.

Fil-filmat huwa uża l-ħelu, melħ u trab taċ-ċikkulata biex jagħmel paragun mal-istess ammonti ta’ droga li qed jipproponi l-Gvern. Dan sabiex jispjega l-periklu li persuna taffaċċja meta tieħu dan l-ammont ta’ droga.

Camilleri jsaqsi kif jista’ jkun li dawn jiġu ‘personal use’ meta jekk persuna tieħu dawn l-ammonti kollha, jkollha droga għal sena sħiħa.

Huwa spjega kif b’dawn l-ammonti issa se jkun iktar faċli biex persuna tbigħ id-droga u tagħmel iktar flus.

Camilleri jerġa’ jaċċenna kif dawn l-ammonti l-ġodda li jistgħu jintużaw għall-użu personali, ibeżżgħuh għax se jkunu ta’ periklu għas-soċjetà.

Dwar dak li ħabbar il-Gvern, il-Partit Nazzjonalista saħaq li ma jridx li traffikanti tad-droga jibdew jeħilsuha ħafif – dan apparti li oġġezzjona li l-veri vittmi tad-droga u t-traffikanti jitpoġġew fl-istess keffa u jitqiesu bl-istess mod f’għajnejn il-liġi.

Hawnhekk il-Partit Nazzjonalista aċċenna għall-fatt li min jinqabad b’dawn l-ammonti kbar ta’ droga għandu jitqies bħala traffikant u mhux vittma. Dan għaliex huwa inaċċettabbli li pajjiżna jkollu Gvern li jiddeċiedi li jċedi l-armi quddiem il-gwerra kontra t-traffikanti.

Għaldqastant il-Partit Nazzjonalista hu kommess li jaħdem bla heda sabiex ic-cittadini jkunu mħarsa mill-effetti gravi tat-traffikar tad-droga.