Il-Gvern għandu jirtira l-whitepaper, il-proposta tiegħu, li se tkun qed tippermetti fost affarijiet oħra li wieħed jista’ jkollu 500 pillola ecstasy fuqu u li dan l-ammont ikun meqjus bħala “personal use”.
Dan kien l-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali fejn wera t-tħassib tiegħu għal dak propost mhux biss bħala politiku, iżda bħala ġenitur u bħala persuna li jgħożż il-ħajja. Huwa qal li din il-proposta u ż-żidiet fil-limiti ta’ drogi oħrajn ilkoll proposti mill-Gvern qed iħassbuh tassew.
Huwa kompla billi qal li kulħadd qed jifhem li dawn l-ammonti żgur ma jkunux għall-użu personali imma għat-traffikar.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-bidliet li qed jipproponi l-Gvern fejn tidħol id-droga ħa jwasslu biex traffikanti ta’ ammonti kbar ta’ droga jingħataw aktar libertà biex jittraffikawha.
Il-Partit Nazzjonalista jrid liġijiet li jassistu lill-vera vittmi tad-droga. Liġijiet li jħarsu ‘l uliedna minn dan il-vizzju misħut ta’ qerda, mhux liġijiet li jiffrankaw il-ħabs lit-traffikanti li qed jeqirdu lil uliedna.
//= $special ?>