“Il-ħajja għoliet b’105 fil-mija, u minflok se jraħħsuha b’15 fil-mija”.
“Dak li tħabbar huwa kollu propoganda.”
Dawn kienu uħud mill-kummenti tal-pubbliku in ġenerali għar-riforma tal-prezzijiet li ħabbar il-Gvern.
Minkejja li f’din l-aħħar ġimgħa l-Gvern ħabbar skema ta’ roħs tal-prezz ta’ 15-il prodott tal-ikel, fosthom il-kapuljat, kafè u għaġin tal-penne… il-poplu mhux qed jemmen li din l-iskema se tgħin fil-ġlieda kontra l-effetti tal-għoli tal-ħajja.
Apparti min hekk, il-poplu se jkollu jistenna sal-1 ta’ Frar sabiex jara eżatt kif din l-iskema se taħdem… skema li qas biss inkludiet ikel essenzjali bħal ħobż, ħalib frisk u butir, fost oħrajn. Saħansitra anqas frott u ħaxix frisk mhu inkluż mal-lista.
Net News tkellem ma’ diversi persuni fil-Belt li qasmu magħna l-ħsibijiet tagħhom dwar din l-iskema l-ġdida… b’diversi persuni jsostnu li mhux vera se tkun qed torħos ix-xirja ta’ kuljum, minkejja li se jorħos il-prezz ta’ ċerti prodotti.
Oħrajn qalulna li l-prodotti li hemm fil-lista mhumiex biżżejjed, u kien jeħtieġ li jkunu inklużi iżjed prodotti essenzjali li jintużaw ta’ kuljum… prodotti li l-Gvern nesiehom kompletament.
Diversi ekonomisti sostnew ma’ Net News li b’din l-iskema se jkun hemm roħs ta’ 15% fuq il-prezz rakkomandat. B’hekk supermarkets kbar li diġà għandhom prezz ridott… se juru bidla vera minima fil-prezzijiet.
B’hekk kif proprju qalu diversi persuni li tkellmu ma’ Net News, l-effett ta’ dan ir-roħs ftit se jinħass mill-Maltin.
//= $special ?>