Rowen Camilleri
Wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, intlagħab ir-round ta’ 32 tal-IZIBET FA Trophy, illum jingħata bidu għat-13-il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier, l-aħħar programm tal-ewwel round, biex il-ġimgħa d-dieħla jibda t-tieni round, bil-pressjoni fuq it-timijiet biex jilħqu l-objettivi tagħhom tibda tinħass serjament.


Sirens vs Sliema Wanderers | Illum, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium
Wara li rnexxielhom jagħmluha għar-rawnd li jmiss tal-FA Trophy bl-għoti tal-penalties, Sirens issa se jkunu qed ifittxu t-tieni rebħa fil-kampjonat għalkemm żgur li fuq il-karta l-konfront huwa wieħed diffiċli ħafna kontra Sliema Wanderers li jinsabu fit-tielet post. S’issa meta qbiżna nofs ix-xahar ta’ Jannar, ma’ Sirens issemma biss l-attakkant Brażiljan ta’ Swieqi United Gilberto Carrara bħala akkwist ġdid u jidher biċ-ċar li t-tim minn San Pawl il-Baħar mhux f’pożizzjoni li jinvesti biex isaħħaħ l-iskwadra. Min-naħa l-oħra Sliema, li issa se jkunu qed jimmiraw għal post fl-Ewropa ħabbru l-akkwist tal-eks midfielder ta’ Gudja James Arthur li se jkompli jżid l-għażla għal Paul Zammit fid-dipartiment tal-midfield. Sliema jinsabu 5 punti fuq it-timijiet ta’ warajhom Marsaxlokk u Birkirkara u għalhekk ma jistgħu jinqabżu, pero bla dubju li s-Slimiżi se jkunu qed jinżlu għal punti massimi, bit-tama li xi ħadd minn Floriana jew Ħamrun jiżloq biex ikomplu joqorbu lejn post aktar ’il fuq fil-klassifika.
Fl-aħħar konfront bejn it-tnejn kienu Sirens li ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 5-0.


Hibernians vs Ħamrun Spartans | Illum, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
Numru ta’ akkwisti ġodda minn Hibernians f’dan is-suq ta’ trasferimenti, uħud minnhom diġa’ ddebutaw, bl-amministrazzjoni Pawlista tittama li t-tim jibda jsib xi ftit konsistenza bil-għan li fl-aħħar tal-istaġun jintlaħaq l-objettiv li t-tim minn Raħal Ġdid ikollu dejjem, dak li jikkwalifika għal kompetizzjoni Ewropea. Minkejja r-rebħa fl-IZIBET FA Trophy kontra Qala, Hibernians ilhom żewġ logħbiet ma jirbħu fil-kampjonat u issa li l-ġimgħa d-dieħla jibda t-tieni round, żgur li jridu jibdew jakkwistaw il-punti, għalkemm dan il-konfront huwa wieħed mill-aktar iebsin kontra ċ-champions Ħamrun Spartans. L-Ispartans s’issa saħħew id-difiża bl-akkwist tad-difensur eks Floriana Christian Rutjens iżda mistennija jakkwistaw ukoll attakkant, bl-isem ta’ William Marcilio ta’ Naxxar li kien l-aktar favorit sa ftit tal-jiem ilu jidher li qed jisfaxxa. Bla dubju li issa li Ħamrun laħqu lil Floriana, il-moral fl-iskwadra huwa wieħed għoli u żgur li se jkunu qed jibdew bħala favoriti għal dan il-konfront li iżda xorta waħda l-Ispartans iridu jieħdu bis-serjetà u b’attenzjoni kontra tim li qed ikun imprevedibbli. Ħamrun għelbu lil Hibernians 1-0 f’Jannar tas-sena l-oħra.


Gudja United vs Valletta | Illum, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium
Konfront bejn żewġ timijiet diżappunt dan l-istaġun. B’Gudja li bħal Sirens jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika b’6 punti filwaqt li Valletta 5 punti biss fuqhom bi 11-il punt daqs Mosta, ukoll fiż-żona tar-relegazzjoni. Fl-aħħar jiem Gudja ffirmaw xejn inqas minn ħames plejers ġodda, erba’ barranin u l-aktar akkwist riċenti l-eks Sliema fost oħrajn Aidan Friggieri. L-iskwadra mmexxija minn Rezo-Kerr Cumbo hija l-unika waħda bla rebħa fil-kampjonat u r-rebħa fl-IZIBET FA Trophy għandha sservi ta’ stimolu fil-moral għal dan il-konfront kontra tim li għandu problemi serji. Il-Beltin ilkoll nafu li bħalissa għaddejjin minn taqliba fl-amministrazzjoni bit-tmexxija ta’ Valletta se tkun qed tgħaddi f’idejn Steven Vaughan Senior li kien ukoll preżenti fil-partita tal-IZIBET FA Trophy kontra Għajnsielem, fic-Centenary Stadium. Wara li Valletta diġa’ bdew jirrilaxxaw uħud mill-barranin li kellhom fl-ewwel parti tal-istaġun, s’issa ħabbru r-ritorn tal-goalkeeper Taljan Alessandro Guarnone kif ukoll l-akkwist tad-difensur Serb Milan Jezdimirovic. Rebħa għal Gudja mhux biss tkompli żżid l-inkwiet għal Beltin iżda tikkomplika s-sitwazzjoni fl-aħħar postijiet tal-klassifika fejn jidher li se tkun taqtiegħa interessanti sal-aħħar.
Valletta rebħu l-aħħar konfront kontra Gudja bl-iskor ta’ 2-1.


Naxxar Lions vs Mosta | Illum, fil-5pm fl-Istadium Nazzjonali
Minkejja li Naxxar s’issa dan l-istaġun, qed ikollhom prestazzjonijiet aħjar minn tar-rivali Mosta, tant li jinsabu 8 punti fuqhom fil-klassifika, dan id-derby tat-tramuntana dejjem joffri ċertu emozzjoni u dejjem ikun wieħed missielet. Naxxar u Mosta l-aħħar li ltaqgħu fil-Kampjonat Premier kien fl-istaġun 2017/18 b’Naxxar jirbħu ż-żewġ konfronti bi skor identiku ta’ 2-0. Naxxar kien l-uniku tim tal-Premier eliminat mill-IZIBET FA Trophy u għalhekk issa se jkunu qed jiffokaw biss fuq il-Kampjonat biex kemm jista’ jkun malajr jikkonfermaw posthom mal-kbar għal staġun ieħor. Il-Mostin mill-banda l-oħra għandhom bżonn jibdew jiksbu l-punti biex jinqalgħu miż-żona tar-relegazzjoni hekk kif issa ilhom 6 logħbiet bla ma jirbħu u jidher li huma wkoll se jkunu wieħed mit-timijiet li se jkun qed jiġġieled biex jevita r-relegazzjoni.


Birkirkara vs Santa Lucia | Għada, fil-11am fis-Centenary Stadium
Żewġ rebħiet mill-aħħar żewġ partiti fil-Kampjonat kif ukoll rebħa mistennija kontra Attard fl-FA Trophy. Birkirkara jaffaċjaw lil Santa Lucia li wkoll ġejjin minn rebħa kontra Gżira fil-kampjonat kif ukoll eliminaw lil Marsa mit-Trophy. Fl-aħħar jiem l-Istripes akkwistaw liż-żgħażugħ interessanti eks Valletta Andrea Zammit wara esperjenza qasira ma’ Messina Calcio, iżda tilfu lil Yannick Yankam li mar jilgħab fl-Istati Uniti. Rebħa tħalli lil Birkirkara ma ta’ fuq iżda kif inhi s-sitwazzjoni tat-timijiet fil-klassifika, telfa jew draw tista’ tniżżlek diversi postijiet l-isfel. Għas-Saints, bħal kull konfront, din il-logħba mhux se tkun waħda faċli iżda jekk ikomplu jibnu fuq l-aħħar prestazzjoni fil-kampjonat, jistgħu jagħtu battikata mhux ħażin lit-tim immexxi minn Brian Chetcuti u għaliex le? jieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront.
L-aħħar konfront bejn Birkirkara u Santa Lucia f’Jannar tas-sena l-oħra spiċċa f’rebħa ta’ 2-0 għat-tim dak iż-żmien immexxi minn Giovanni Tedesco.


Floriana vs Gżira United | Illum, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium
It-telfa kontra Ħamrun fl-aktar logħba mistennija fil-kampjonat jidher li Floriana tefawha warajhom, tant li wara għalkemm kellhom l-itqal polza fl-FA Trophy, kontra t-tim rivelazzjoni tal-istaġun Naxxar Lions, bi prestazzjoni mill-aqwa għelbuhom 2-0 u avvanzaw għar-rawnd li jmiss. Sa issa Floriana akkwistaw biss plejer wieħed, il-winger Luis Willis Alves Furtado, li s’issa lagħab biss ftit minuti kontra Ħamrun u għalhekk wieħed ftit jista’ jgħid fuqu. Bl-avversarji li huma wieħed mit-timijiet li qed jiġġieled kontra r-relegazzjoni, bla dubju li Floriana jridu jinżlu biex akkost ta’ kollox jieħdu t-tliet punti li jħalluhom fl-ewwel post tal-klassifika, bit-tama li Hibernians jisirqu xi ħaġa mil-logħba kontra Ħamrun. Min-naħa l-oħra Gżira tilfu l-aħħar erba’ logħbiet fil-kampjonat u ftit tal-jiem ilu tilfu wkoll lil kowċ Darren Abdilla li rriżenja mill-kariga wara tliet snin, b’dan l-istaġun qed ikun l-aktar wieħed diffiċli fejn wara nuqqas ta’ investiment u t-tluq ta’ diversi plejers importanti, il-Maroons jinsabu fid-disa’ post bi 11-il punt daqs Valletta u Mosta, f’wieħed mill-postijiet ta’ relegazzjoni. Fl-FA Trophy ma’ Gżira ddebutta d-difensur Zachary Cassar li kien akkwistat il-ġimgħa l-oħra mingħand Floriana iżda s’issa ma smajna bl-ebda akkwist ieħor li jista’ jsaħħaħ l-iskwarda ta’ Gżira, bil-probabbiltà tkun li t-tim jibqa’ jiġġieled għal post mal-kbar kif inhu. Draw ta’ 1-1 kien ir-riżultat l-aħħar darba li ltaqgħu dawn iż-żewġ timijiet fi Frar tas-sena l-oħra.


Balzan vs Marsaxlokk | Illum, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium
L-aħħar logħba tal-Ħadd hija dik bejn Balzan u Marsaxlokk fit-Tony Bezzina Stadium, konfront bejn żewġ timijiet li għalkemm wieħed jinsab fir-raba’ u l-ieħor fit-tmien post, 3 punti biss hemm jifridhom fil-klassifika. Balzan fl-aħħar ħarġa fil-kampjonat kisbu rebħa kontra Mosta, rebħa li waslet wara żewġ riżultati negattivi fejn dan juri n-nuqqas ta’ konsistenza li dan it-tim għandu dan l-istaġun. Minkejja dan, nistennew konfront ekwilibrat kontra Marsaxlokk li fl-aħħar logħba spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Hibernians. Iż-żewġ timijiet preżenataw numru ta’ akkwisti fl-aħħar jiem, bl-għan li jsaħħu l-iskwadra għal kumplament tal-istaġun bl-objettivi huma simili, biż-żewġ timijiet qed jimmiraw post f’kompetizzjoni Ewropea. F’Jannar tas-sena l-oħra dan il-konfront spiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls.
//= $special ?>