Internazzjonali

L-ex Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson jgħid li d-dinja tkun aktar stabbli b’Donald Trump

L-ex Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson wera sapport totali għall-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump li qed jikkontesta għall-elezzjonijiet tal-Presidenza ta’ din is-sena.

F’artiklu Johnson qal li ma jistax jifhem għalfejn hawn din il-biża’ kbira għall-idea li Trump jaf jirritorna fil-White House filwaqt li jemmen li Trump se jkompli jagħti l-għajnuna lill-Ukrajna.

Iżda fir-realtà Donald Trump qatt ma assigura li se jkompli jibgħat l-armamenti jekk jerġa jigi elett bħala President filwaqt li esprima amirazzjoni għall-mexxej tar-Russja Vladimir Putin. Dan filwaqt li f’intervista Trump qal li l-Istati Uniti għaddiet wisq armamenti lill-Ukreni tant li m’hemmx biżejjed munizzjon għalihom stess.

Madankollu Boris Johnson kiteb li ma jemminx li Trump se jabbanduna l-Ukreni anzi hemm ċans tajjeb li jikkommeti ruħu li jibgħat aktar għajnuna – armamenti li jwasslu għal rebħa. Hawnhekk huwa qal li jekk jiġri hekk id-dinja se tkun ferm aktar stabbli taħt Donald Trump.

Intant, waqt intervista l-President Ukren Volodomyr Zelensky stieden lil Trump fi Kiev wara li stqarr li kapaċi jtemm il-gwerra kontra r-Russja f’24 siegħa.

L-eks President Donald Trump qed jaffaċċja 91 akkuża f’4 każi kriminali differenti dan filwaqt li l-Qorti Suprema mistennija li tiddeċiedi jekk Trump huwiex eliġibbli li jikkontesta f’din l-elezzjoni. Iżda s’issa kollox qed jindika li Trump huwa l-favorit sabiex jirrapreżenta lir-Repubblikani għal din l-elezzjoni.