L-iskema tal-prezzijiet li ħabbar il-Gvern hija gimmick għax dan huwa intervent perikoluż li se jħalli impatt negattiv fuq in-negozji f’pajjiżna.
Dan kien is-sentiment prinċipali tal-Kamra tal-Kummerċ b’reazzjoni għall-iskema tal-prezzijiet li ħabbar il-Gvern ta’ Robert Abela l-Ħamis li għadda.
F’intervista waqt il-programm Net Live, l-eks President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb qalet li għal din l-iskema, li tkopri fiha biss 15-il tip ta’ prodott, kien hemm ftehim li l-importaturi kellhom bilfors jiffirmaw għalih.
Marisa Xuereb spjegat kif mis-sajf li għadda, il-prezz tal-ikel fl-Ewropa beda jorħos, fejn il-kriżi akuta tal-ikel bdiet tbatti, u għalhekk il-mossa ta’ kif il-Gvern ħadem dawn il-prezzijiet, mhix fl-aħjar interess tal-konsumatur.
Hija qalet li din l-iskema mhux se jkollha impatt fuq il-prezzijiet daqs kemm wieħed qed jimmaġina… bil-Gvern spiċċa jintervjeni b’mod dirett fuq is-suq mentri fil-verità ma kienx hemm bżonn l-intervent tiegħu.
Bl-eks President tal-Kamra tal-Kummerċ tgħid li ma kienx hemm konsultazzjoni fi ħdan l-MCESD. Marisa Xuereb għalhekk appellat lill-Gvern biex f’ċirkustanzi bħal dawn jikkonsulta mal-MCESD b’mod sistematiku.
//= $special ?>