Lokali Sport

“Wara li tħassru t-tiġrijiet taż-żwiemel, Equestri Malta għandha tiddefendi l-interess tad-dilettanti taż-żwiemel u ta’ ħadd aktar” – PN

It-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Korsa tal-Marsa reġgħu tħassru dan il-weekend għax il-korsa tinsab f’kundizzjoni ħażina, mingħajr ramel adekwat biex iż-żwiemel jiġru fuqu mingħajr ma jweġġgħu. Din mhix l-ewwel darba li saret fl-aħħar snin.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u Sport David Agius, il-Partit Nazzjonalista qal li l-korsa bħalissa hi nieqsa minn manutenzjoni adattata fil-korsa, fil-paddock u dwal baxxi, fost l-oħrajn. Ma’ dawn, wieħed iżid li s-sidien qed jonfqu eluf ta’ ewro biex jixtru u jmantnu kif jixraq liż-żwiemel tagħhom u l-premjijiet li qed tagħti l-Malta Equidrome għadhom redikoli, li jinsulentaw lid-dilettanti taż-żwiemel.

Equestri Malta, l-awtorità tal-Gvern li suppost tissorvelja li l-kuntrattur privat (Malta Equidrome ltd) li rebaħ il-konċessjoni biex jinvesti u jmantni l-Korsa tal-Marsa, mhux jirnexxielha tħares l-interessi tas-siden taż-żwiemel u tad-dilettanti.

Il-konċessjoni ta’ art, li tiswa l-miljuni ta’ ewro, mill-Gvern lill-privat suppost saret biex igawdu d-dilettanti taż-żwiemel. Iżda hu ċar li d-dilettanti taż-żwiemel s’issa ftit li xejn gawdew. Hemm bżonn li kull min hu involut jaħdem bl-għan ewlieni li jara li l-bżonnijiet tad-dilettanti taż-żwiemel, il-ġerrejja u ż-żwiemel infushom ikunu moqdijin kif inhu xieraq u mistenni minn kulħadd b’mod tajjeb u professjonali.

Il-Partit Nazzjonalista qed jesiġi li din is-sitwazzjoni tissolva immedjatament u ma terġax tirrepeti ruħha. Jekk it-tmexxija tal-Korsa tal-Marsa m’hiex kapaċi ssolvi l-problema tar-ramel, aħseb u ara kemm se tara li jsir l-investiment meħtieġ biex dan l-isport ikun trattat kif jixraqlu.