Edukazzjoni Lokali

Għandna amministrazzjoni pubblika li hi aktar komda tinnegozja magħha nnifisha- Marco Bonnici

Il-President tal-Malta Union of Teacher Marco Bonnici sostna li it-tilwim industrijali li hawn f’pajjiżna f’dawn il-jiem huwa sinjal ċar ta’ djalogu soċjali li jkun falla. U r-riċetta tal-falliment tad-djalogu soċjali tinsab ċara kristall quddiemna, għalkemm ħafna ma jridux jarawha. Huwa saħaq li għandna amministrazzjoni pubblika li hi aktar komda tinnegozja magħha nnifisha, u għaldaqstant kull involviment tal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom tarah bħala ndħil, xkiel, u għalhekk mhux milqugħ. Saħansitra l-istess amministrazzjoni pubblika għandha proċedura interna sabiex tkun tista’ tagħmel ftehimiet għal kategoriji ta’ impjegati maqbulin magħha stess u li jeskludu d-djalogu mal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom. F’pajjiżna sal-lum għandna numru sostanzjali ta’ ħaddiema li fi kliem l-amministrazzjoni “qed igawdu” minn din il-proċedura ta’ negozjar u li minħabba fiha t-trade unions mhux qed jitħallew jinnegozjaw f’isem il-ħaddiema.

Ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema qatt ma kienet faċli. Kemm jekk min iħaddem hu l-privat jew l-amministrazzjoni pubblika, l-ebda amministrazzjoni ma tħares b’simpatija lejn min potenzjalment jista’ jwassal għal tilwim, azzjonijiet industrijali u miżuri li jidhru li jkunu qed ixekklu lill-istess amministrazzjoni. Din is-sitwazzjoni ngħixuha ta’ kuljum. Ħafna drabi l-amministrazzjoni tiddjaloga magħna għax ma għandhiex għażla u mhux għax temmen fir-rwol tagħna jew fid-djalogu soċjali. Ħalliha li meta l-amministrazzjoni tkun f’diffikultà, tiġi għandna sabiex inħollu l-kobob imħabbla li jkunu saru. Iżda dan ma nsemmuh qatt, għax inkella jidher li l-union tkun qed tmexxi u mhux l-amministrazzjoni. Diskorsi sbieħ isiru ħafna, u l-wegħdiet jinstemgħu ta’ kuljum, iżda kif dejjem ġara, meta niġu għas-sustanza l-wegħdiet jintesew u tinstab elf skuża sabiex dawn ma jinżammux.

Min hu involut fid-djalogu soċjali mal-amministrazzjoni pubblika jgħid dan li ġej. Biex l-amministrazzjoni pubblika żżomm kontroll tan-negozjati kollha li jsiru fil-pajjiż qed tinqasam f’elf laqgħa ta’ negozjati. Dan qed tagħmlu permezz ta’ mhux aktar minn ħames uffiċjali pubbliċi, li bħala proċedura jkunu mhux inqas minn tnejn f’kull laqgħa. Kull negozjatur li qed jirrappreżenta l-ħaddiema jrid jissielet sabiex isib il-felli ta’ ħin li tikkonċedi l-amministrazzjoni pubblika biex ikomplu d-diskussjonijiet. Ġieli ngħataw laqgħat xahar wara dik li tkun għadha kemm saret. U dan meta ma jkunx hemm xi kriżi, jew aħjar xi ħadd minna jkollu xi tilwima taħraq b’xi ultimatum, għaliex f’dik il-ġimgħa jew ġimgħat jiġu kkanċellati l-laqgħat kollha skedati. In-negozjati huma għalhekk ostaġġi ta’ sistema li ħolqot l-amministrazzjoni pubblika stess u li hi intiża li taqdi lill-istess amministrazzjoni u mhux lill-ħaddiem u lil min jirrappreżentah, b’dewmien u qtigħ il-qalb kontinwi. Kieku dan ma kienx il-każ ma kienx ikollna negozjati li jdumu s-snin għaddejjin u meta tagħsar dak kollu li jkun sar issib biss inkejja u nuqqas ta’ deċiżjonijiet. Kieku ma jkollniex nirrikorru għal azzjonijiet industrijali li jolqtu lil setturi diversi sabiex jirnexxilna niżblokkaw diskussjonijiet li jkunu staġnaw.

Id-djalogu soċjali hu tajjeb meta min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jemmnu fih u jsostnuh. Iżda l-istess djalogu soċjali jfalli meta jkun imxekkel mill-mod negattiv kif l-amministrazzjoni tħares lejn ir-rwol tal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom. Id-djalogu soċjali hu assenti meta l-amministrazzjoni tagħmel ftehimiet għal kategoriji ta’ impjegati permezz ta’ proċeduri mingħajr is-sehem tal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom u bi ftaħir tgħid li laħqet ftehim… magħha nnifisha!