Internazzjonali

Netanyahu kontra Biden – “Le għal stat Palestinjan”

Il-Prim Ministru Netanyahu jibqa’ jsostni li Iżreal għandha tibqa’ tikkontrolla t-territorji Palestinjani, u qal li biex ikun hemm il-paċi fil-Lvant Nofsani l-istabilizzazjoni tal-istat tal-Palestina mhux is-soluzzjoni.

Nhar il-Ġimgħa l-Prim Ministru Netanyahu u l-President Biden kellhom telefonata fejn iddiskutew il-futur ta’ dan il-kunflitt, bl-indikazzjonijiet kollha juru li ma kienx hemm qbil bejn iż-żewġ Gvernijiet.

It-tmexxija fil-White House temmen li s-soluzzjoni għal-paċi hi li jkun hemm żewġ stati indipendenti, però l-Gvern Iżraeljan bħalissa qiegħed jopponi din is-soluzzjoni.

Netanyahu tkellem wara din il-konverżazzjoni li kellu ma’ Biden, u għalkemm bosta pajjiżi oħra ma jaqblux mal-mod kif qed tiġi trattata din il-kwistjoni, hu għadu jsostni li sakemm jinqerdu l-Hamas, Iżrael ser tkompli l-attakki tagħha qabel ikunu ċerti li it-theddiha tispiċċa darba għal dejjem.

Il-forzi Iżraeljani qiegħdin ikomplu jmexxu lejn in-naħa t’isfel ta’ Gaza għaliex qalu li għandhom informazzjoni li uffiċjali tal-Hamas qiegħdin viċin dawk l-akwati.

Min naħa l-oħra l-uffiċjali Palestinjani jkomplu jsostnu li l-Gvern Iżraeljan qiegħed iwettaq ġenoċidju sħiħ fuq il-poplu Palestinjan u s’issa skont figuri li għandhom inqatlu mal-25,000 ruħ.